Id-Dar tad-Demokrazija

Inawgurazzjoni ta’ Parlament ġdid wara 94 sena fl-istess binja

Il-bini tal-Kamra tad-Deputati
Il-bini tal-Kamra tad-Deputati

 Bil-ftuħ uffiċjali tal-bini tal-Parlament il-ġdid iktar tard illum, kien xieraq li tingħata ħarsa fuq fuq lura lejn uħud mill-episodji li għadda minnhom il-bini tal-Parlament uxxenti. Dan hekk kif se jiċċaqlaq l-operat kollu li kien preżenti sa mill-bidu tal-formazzjoni tal-Parlament fl-1921. Għalkemm il-kamra tad-deputati fiha nfisha nbidlet fl-1976 sabiex takkomoda aħjar lid-deputati parlamentari, mill-kamra tal-arazzi għas-sala tal-kamra tad-deputati, li xorta waħda baqgħu fl-istess binja, jiġifieri l-Palazz Presidenzjali. Din il-binja nbniet mijiet ta’ snin qabel mill-Ordni ta’ San Ġwann sabiex isservi għanijiet ferm differenti minn dawk li sa issa kienu qed jisservew.

Il-Parlament f’Malta bħala istituzzjoni nistgħu ngħidu li beda 1921 meta Malta ngħatat il-gvern risponsabbli, jew aħjar, ‘self government’. Qabel dan, il-liġijiet kienu jgħaddu mill-Gvernatur Ingliż u l-Kunsill tal-Gvern.

Fl-1921, beda jiġi maħtur il-president tal-kamra jew kif inhu magħruf, l-ispeaker tal-kamra li l-irwoli tiegħu kienu jvarjaw minn li jippressjedi s-seduti sa jissorvelja l-abbozzi tal-liġijiet, fost irwoli oħrajn.  L-ewwel speaker tal-kamra maħtur fl-1921 kien Edgar Arrigo li nħatar f’Ottubru tal-istess sena.

Il-Parlament, bħala istituzzjoni ra bosta episodji, li minn fosthom kien hemm dawk li ffurmaw l-istorja politika tal-pajjiż bħall-Indipendenza li għaliha, kienu bdew in-negozjati fl-1963. Kien bl-istess Indipendenza li Malta beda jkollha Parlament sovran b’50 membru elett fih, li huwa ferm ikbar minn dak li kien hemm qabel. Minbarra dan, la l-pajjiż sar responsabbli għal diversi affarijiet li qabel ma kellux dritt fuqhom, il-Parlament kellu l-biċċa xogħol iebsa li jifforma bosta liġijiet u jwaqqaf diversi strutturi għal affarijiet li issa, l-pajjiż sar responsabbli għalihom. Fost dawn il-liġijiet, kien hemm is-L-Att dwar il-Bank Ċentrali u l-Att dwar il-Forzi Armati. Dan minbarra li l-pajjiż ingħaqad mal-komunità internazzjonali ġaladarba ma kienx għadu ħaġa waħda mal-Ingilterra, fosthom man-Nazzjonijiet Uniti fl-1964.

Kif jiddeskrivi ferm tajjeb l-eks Speaker tal-kamra, Louis Galea, f’filmati dwar l-istorja tal-Parlament, l-istess Parlament qiegħed hemm sabiex jiġu solvuti u diskussi l-problemi tal-pajjiż, partikolarment fiż-żminijiet diffiċli, “fil-mumenti diffiċli li għadda minnhom pajjiżna, fl-aħħar mill-aħħar, il-konflitti ġew solvuti b’xi mod jew ieħor f’dan il-post.”

Kien hemm diversi okkażjonijiet fejn kien hemm xi problemi bejn iż-żewġ naħat tal-kamra iżda kienet tidher maturità politika partikolari f’episodji fejn kien hemm qbil maġġoritorju bħal fil-każ tar-Repubblika fl-1974 u l-qbil li l-maġġoranza tal-voti ġġib magħha t-tmexxija tal-pajjiż fl-1987.

Ħafna huma tal-fehma li x-xogħol tal-membri parlamentari huwa kbir wisq biex dan isir fuq bażi part-time. Minħabba f’hekk, kienu bosta nies, inklużi eks presidenti tal-kamra li sostnew li l-membri parlamentari jeħtieġ li jkollhom aktar mezzi biex jagħmlu l-ħidma tagħhom fejn ikun hemm membri li jkunu qed jagħmlu x-xogħol parlamentari b’mod full-time, bħalma sostna l-eks speaker Anton Tabone dwar il-Parlament, “Wasal iż-żmien li jkunu dedikati kompletament għax-xogħol tal-Parlament u x-xogħol tal-kostitwenza tagħhom.”

Pass importanti fl-istorja tal-Parlament Malti kien l-introduzzjoni tal-kumitati magħżula li bdew l-aktar is-snin 90. Is-sistema introdotta kienet tfisser li m’għadx hemm il-bżonn li kull liġi u kull klawsola jrid isir id-diskussjoni għaliha fil-Parlament mal-membri kollha. Iżda minflok, daħal il-kunċett ta’ kumitat żgħir li fih tkun tista’ tidħol iktar fid-dettall u jkun hemm diskussjoni iktar informali bejn iż-żewġ naħat, u dan ibbażat fuq is-sistema Ingliża addottata mill-House of Commons. Fost il-kumitati l-aktar importanti li nsibu fi ħdan il-Parlament hemm il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi u l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Ewropej.

Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ġabet magħha sfidi ġodda għall-Parlament u dan minħabba li issa l-pajjiż m’għadux irid biss isegwi l-liġijiet nazzjonali tiegħu, imma wkoll dawk id-direttivi u liġijiet li jinħarġu mill-UE. Dan ovvjament kompla jżid ix-xogħol involut fil-ħidma parlamentari. Kif isostni l-eks speaker Michael Frendo, “Iktar minn 80% tal-liġijiet li jiġu quddiem il-Parlament, joriġinaw b’xi mod mil-liġijiet Ewropej.”

Issa, minħabba li l-bini tal-Parlament il-ġdid huwa mibni għall-iskop uniku ta’ parlament, il-format ta’ din l-istituzzjoni se jkun aktar adatt għall-ħtiġijiet tad-deputati. Dan jinkludi bosta faċilitajiet ġodda li l-bini tal-parlament ta’ qabel ma kienx jappartjeni, fosthom l-aċċess għal persuni b’diżabilità u b’mod partikolari, diversi teknoloġiji moderni li għandhom jiffaċilitaw aktar il-ħajja tal-membri parlamentari. Dan meta mqabbel mal-fatt li fl-1989 ġie introdott għall-ewwel darba l-kunċett tal-‘word processing’, biex għamel il-Parlament, l-ewwel dipartiment tal-Gvern li kien qed jagħmel użu minn din it-tip ta’ teknoloġija.

Interessanti kif issa, fil-parlament il-ġdid, se jkun qed jinbidel ukoll il-format tal-istess siġġijiet. Fejn aħna mdorrijin naraw il-membri parlamentari bil-qiegħda quddiem xulxin maż-żewġ naħat tal-kamra skont il-partit politiku tagħhom, issa l-format fiżiku tal-kamra se jkun differenti għaliex se jkollu l-forma ta’ emiċiklu. Dwar dan il-format ġdid u l-ħsibijiet ġenerali tal-bdil tal-kamra tar-rappreżentanti, tkellimna maż-żewġ whips tal-kamra, Godfrey Farrugia u David Agius.

Bħala membru parlamentari u l-whip tal-grupp parlamentari Nazzjonalista, David Agius semma kif, “Il-Parlament il-ġdid hu bini li jissimbolizza d-demokrazija. Binja fid-daħla tal-belt kapitali li turi l-importanza li pajjiżna jagħti lil din l-għola istituzzjoni tal-pajjiż.
Dan hu bini li joffri lid-deputati parlamentari aktar mezzi moderni biex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom. Binja moderna, b’faċilitajiet moderni li jgħinu biex inwasslu l-messaġġ tagħna aħjar.

Il-fatt li s-seduta plenarja se tkun imxandra fuq it-TV, apparti li se tkun ukoll streamed fuq l-internet u mxandra fuq ir-radju, se twassal biex il-poplu jkun aktar qrib ta’ dak li jkun qed jiġri fil-Parlament.
Bħala Oppożizzjoni, se naraw li nkomplu nkunu oppożizzjoni kostruttiva u proposittiva bħalma konna fl-aħħar xhur. Dan se jwassal biex il-poplu jkompli jifhem li l-Partit Nazzjonalista hu verament Gvern alternattiv.
Bħala whip, se nkompli nħeġġeġ lid-Deputati biex jagħmlu l-almu tagħhom ħalli jagħmlu użu massimu tal-faċiltajiet li joffri l-Parlament il-ġdid,” temm jgħid il-whip Nazzjonalista.

Min-naħa l-oħra, l-whip tal-Gvern, semma d-diversi rwoli importanti li għandha l-istituzzjoni tal-Parlament, “ll-ewwel darba, il-Parlament Malti se jkollu binja ewlenija li tirrappreżentah, dar ġdida li tagħtih ġieħ u tkompli ssebbaħ il-ġrajja tal-Parlament Malti li tmur lura sal-1921.

Il-ħtieġa biex il-Parlament Malti jkollu s-sit tiegħu, ’il bogħod mill-Palazz tal-President tar-Repubblika kienet ilha tinħass, iżda l-fehmiet kienu diversi dwar il-post adatt. Daqshekk ieħor u ferm aktar snin kien ilu jiġi diskuss il-proġett ta' Bieb il-Belt, u fl-2010 ttieħdet deċiżjoni pjuttust kontroversjarja li dan il-proġett jinkorpora wkoll il-bini tal-Parlament Malti.

More in Socjali