
Inawgurat is-South Block fil-Pixxina Nazzjonali
Tmiem il-ġimgħa attivitajiet fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq

More in Socjali
Tmiem il-ġimgħa attivitajiet fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq
Nhar is-Sibt li għadda proprju fit-2 ta’ Mejju 2015, ġie inawgurat is-South Block fil-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq, xogħlijiet li swew madwar 800,000 ewro.
Flimkien mas-South Block ġew ukoll inawgurati l-istarting blocks li issa se jkunu kollha ġodda. Il-proġett huwa kollu tal-ERDF.
Fost ix-xogħlijiet li saru f’dawn l-aħħar xhur kien hemm planki ġodda li fis-snin li għaddew kienu qed iġarrbu ħsarat kbar minħabba l-ammont ta’ ilma li kien jidħol mix-showers. L-ammont ta’ ilma li sena wara sena daħal fl-istruttura kompla għarraq il-binja. Kien għalhekk li saret din il-ħidma sabiex jitneħħew il-ħitan u fejn hemm bżonn isiru ħitan tal-brikks u diviżorji ħfief. Minbarra hekk ingħatat kisja ta’ membrane lil dawk il-partijiet li kienu esposti aktar għall-ilma. Waqt it-tqassim tal-erja, minbarra li żdiedu iċ-changing rooms, il-binja saret waħda li hija aċċessibbli għal kulħadd, grazzi wkoll għall-intervent tal-KNPD. Inbnew showers u changing rooms ġodda kif ukoll dance hall attrezzat bl-aqwa materjal infrastrutturali.
Dan l-iżvilupp li sar b’ħidma bla waqfien matul dawn l-aħħar xhur beda jitgawda mill-pubbliku nhar il-Ħadd, 3 ta’ Mejju 2015, hekk kif ġiet organizzata Family Fun Day fil-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq. F’din l-okkażjoni li kienet issapportjata mill-Kristal, kien hemm diversi attivitajiet għall-familja kollha, fosthom kompetizzjonijiet tal-għawm u shows taż-żfin sinkronizzat kif ukoll logħob tal-Waterpolo. Il-pubbliku seta’ jara logħob spettakolari bejn atleti irtirati li kienu għamlu isem fil-Waterpolo Malti jilagħbu kontra t-tim nazzjonali tal-Under 17. Fid-dance hall il-ġdid kien hemm klassijiet taż-Zumba, hip hop, dance fitness kif ukoll circuit training filwaqt li fit-Training Hall saru logħob tad-darts, table football, table tennis u squash.
Il-partiċipazzjoni f’dawn l-attivitajiet kienet kollha bla ħlas iżda l-poplu kien imħeġġeġ jagħti donazzjoni lid-Dar tal-Providenza.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius beda billi rringrazzja lill-bord tad-diretturi u l-ħaddiema kollha tal-Kunsill Malti għall-iSport, kif ukoll lill-kuntratturi involuti għax-xogħol li għamlu fi żmien hekk qasir u li minnu ħa jgawdu dawk kollha li jagħmlu użu mill-pixxina. Agius qal li fuq deċiżjoni għaqlija x-xogħol sar f’perjodu li l-pixxina tkun hemm inqas attiva biex b’hekk ma tellifniex l-attivitajiet li saru fl-unika pixxina li għandna f’pajjiżna. Barra dan fil-futur qarib ser isir aktar xogħol fosthom id-deck tal-istess pixxina.