L-ambaxxata Amerikana taqleb għal enerġija rinnovabbli

L-ambaxxatriċi Amerikana għal Malta inawgurat proġetti ta' enerġija mir-riħ u mix-xemx

L-Ambaxxata Amerikana f'Malta inawgurat proġett fotovoltajku u proġett ta' turbina tar-riħ sabiex tkun ta' sostenn fl-isforz sabiex tiġi wżata iktar u iktar enerġija rinnovabbli.

L-Ambaxxatriċi Amerikana Gina Abercrombie-Winstanley inawgurat il-proġett, flimkien mal-Ministru responsabbli mill-ambjent Leo Brincat u rappreżentant tal-'Overseas Building Operations' David Shaffer.

Abercrombie-Winstanley qalet li fil-proġett se jkunu qed jiġu installati pannelli fotovoltajċi ta' 350kW fl-art tal-ambaxxata.

"Dan il-proġett se jinkludi wkoll turbina tar-riħ żgħira u solar pool heater biex jipproduċi l-enerġija matul is-sena kollha u jagħmel l-aħjar użu mix-xemx Maltija li hi abbundanti," qalet l-ambaxxatriċi.

Żieded tgħid li l-ambaxxata se tkun qed tarma tined fil-parking sabiex tnaqqas l-użu tal-air conditioning fil-karozzi, partikolarment fix-xhur sħan tas-sajf.

"L-ambaxxata hi eżempju ċar ta' kif il-gvern Amerikan hu kommess li jnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u nkunu nies responsabbli għal din l-art," kompliet tgħid l-ambaxxatrtiċi waqt li spjegat kif il-kumpanija Solar Solutions Ltd. ħadet il-kuntratt, li mistenni jlesti l-proġett sa Marzu tal-2016.

Il-Ministru għall-Ambjent, Leo Brincat faħħar lill-ambaxxata talli tuża l-ispazji li għandha sabiex iżżid l-importanza tal-enerġija rinnovabbli.

“F'pajjiż bħal Malta b'abbundanza ta' xemx, jkun ta' vantaġġ li taqleb għal sistema solari, kemm jekk fuq skala żgħira, u anke f'inizjattivi ferm ikbar bħal solar farms."

Brincat kompla jgħid li l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija huma l-aqwa ingredjenti sabiex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima u jintlaħqu l-miri u l-objettivi.

More in Socjali