
Parrokki b'xagħar il-Maltin jaslu f'Malta għall-persuni bil-kanċer
Il-MCCF se tagħti dawn il-parrokki bla ħlas lil min verament għandu bżonnhom

More in Socjali
Il-MCCF se tagħti dawn il-parrokki bla ħlas lil min verament għandu bżonnhom
Għall-ewwel darba f’pajjiżna il-Malta Community Chest Fund se tibda tgħin persuni li jitilfu x-xagħar naturali tagħhom kawża tal-kanċer billi tipprovdilhom parrokki magħmula minn xagħar il-Maltin u l-Għawdxin li beda jingħata bħala donazzjoni mill-Istrina lil hawn.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Matilde Balzan, il-koordinatriċi ta’ dan il-proġett spjegat kif mill-Istrina lil hawn, l-MCCF irċeviet mijiet ta’ donazzjonijiet ta’ xagħar biex dan jinħadem f’parrokki b’risq dawk li jimirdu bil-kanċer u jitilfu x-xagħar naturali tagħhom. Qalet kif is-sena li għaddiet mal-mija u tmenin persuna Maltin u Għawdxin kellhom bżonn parrokki minħabba l-kanċer, fosthom anki tfal. Din il-ħolma saret realtà wara li l-istilista tax-xagħar Ian Miller offra li jagħti s-servizz tiegħu b’mod volontarju biex wara li jinqata’ x-xagħar dan jiġi mnaddaf u ppreparat b’mod professjonali biex jinħadem f’parrokki barra l-pajjiż. Spjegat li d-dwana u l-Maltapost qed joffru wkoll is-servizz tagħhom bla ħlas biex ix-xagħar jintbagħat barra u jinġieb lura f’parrokki.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, ġew murija l-ewwel konsenja tal-ewwel parrokki maħduma minn xagħar il-Maltin u l-Għawdxin, uħud minnhom adattati wkoll għat-tfal li sfortunatament jitilfu xagħarhom kawża tal-kanċer.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li hija emozzjoni kbira għaliha li tara kif xagħar il-Maltin u l-Għawdxin għall-ewwel darba qed jiġi trasformat f’parrokki biex ikun ta’ wens għal mijiet ta’ persuni li sfortunatament jitilfu xagħrhom kawża tal-kanċer fosthom anki tfal. Il-President qalet li l-Malta Community Chest Fund se tkun qed tagħti dawn il-parrokki bla ħlas lil min verament ma jistax jixtrihom minħabba sitwazzjoni finanzjarja, filwaqt li jista’ jintalab ħlas żgħir għal min ukoll jinstab li għandu bżonn l-għajnuna. Spjegat ukoll fl-opportunità li persuna tkun tista’ taqta’ xagħarha qabel ma jaqa’ kawża tal-kanċer u l-istess xagħar jintuża biex tinħadem parrokka b’xagħar il-persuna stess.
L-istilista tax-xagħar Miller spjega kif ix-xagħar li jinħadem għall-parrokki jista’ jkun miżbugħ, iżda ma jistax ikun bleached. It-tul għandu jkun ta’ mhux inqas minn 30 ċentimetru, u li l-aħjar jinqata’ bħala toppu u ma jiġix immaljat.
Id-donazzjonijiet tax-xagħar jiġu aċċettati fil-Palazz San Anton, u għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 21226 226.