Hekk kif mill-2011 'l hawn, is-Sirja sabet ruħha f'sitwazzjoni ta' ġlied kontinwu, issa rapport tal-Amnesty International qed jikxef liema attroċitajiet qed jgħaddu minnhom in-nies f'Aleppo, fis-Sirja - li ġew deskritti bħala "atroċitajiet li qas jitwemmnu".
Dan ir-rapport qed jallega li l-forzi tal-gvern, kif ukoll gruppi ta' ribelli ta' kuljum qed iwettqu reati ta' gwerra gravi.
Jidher li l-gvern qiegħed iżid il-bumbardament f'Aleppo, bħala tweġiba għall-offensiva ribelli. Min-naħa tiegħu, il-President Bashar al-Assad waqt intervista li ta mal-BBC, ċaħad kategorikament li qed juża bombi magħrufa bħala barrel bombs.
Intant iżda, minn tal-anqas 10 persuni inkluż għalliem u erbat itfal inqatlu nhar il-Ħadd li għadda hekk kif waħda minn dawn il-bombi splodiet fi skola f'Seif al-Dawla.
Ir-rapport tal-Amnesty International qiegħed jallega li bejn Jannar tal-2014 u Marzu tal-2015, il-mezzi tal-ajru tal-gvern attakka bla waqfien permezz ta' dawn il-bombi, li huma magħmulin minn kontenitur kbir forma ta' bettija mimli minn splussiv għoli, possibilment anke b'żejt jew kimika differenti - li jintefgħu mill-ajru permezz ta' ajruplani jew helicopters. Skont il-Violations Documentation Centre, minn tal-anqas 3,124 persuna ċivili, u 35 ġellied ribelli inqatlu f'Aleppo tul dan l-istess perjodu.
Is-sitwazzjoni fis-Sirja hija waħda ddisprata - li qed twassal għal bosta nies biex jaraw kif jagħmlu ħalli jitilqu mill-post. Residenti tal-belt ta' Aleppo ddeskriva s-sitwazzjoni bħala "ċirku t'intfern," fejn "it-toroq mimlija dmijja. In-nies li nqatlu ma kinux qed jiġġieldu huma."
Intant Philip Luther, id-direttur tal-programm tal-Amnesty Internationali mexxa dan ir-rapport saħaq kif "sena ilu għaddiet resoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-abbużi fuq id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dwar l-attakki minn barrel bombs," fejn kompla jgħid li "nuqqas ta' azzjoni dwar dan kollu qed jagħti sinjal lill-ħatja biex jibqgħu jżommu lin-nies f'Aleppo ostaġġi, għax m'għandhomx biża' mill-konsegwenzi."