Progress fil-qasam tal-liġijiet favur il-persuni b'diżabbiltà

Ippreżentati r-rapport annwali 2014 u l-abbozz ta' emendi dwar l-att tal-oppotunitajiet indaqs

Illum is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana żaret l-uffiċini tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’diżabilità fejn ġiet ippreżentata bir-rapport tal-att dwar l-liġi tal-opportunitajiet indaqs.

Waqt l-istess żjara, il-Kummisjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità ppreżentat ukoll abbozz ta’ emendi ghall-Att opportunitajiet indaqs wara li f’Ottubru li għadda il-KNPD imbarkat fuq proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-istess liġi. Il-Kummisjoni ħasset il-ħtieġa li din il-liġi kellha tiġi riveduta u msaħħa b’tali mod li tibqa relevanti anke fiż-żminijiet tal-lum. Il-konsultazzjoni saret ukoll ma' diversi stakeholders fosthom l-assoċjazzjoni ta’ min iħaddem, unions, il-kamra tal-periti, persuni b’diżabilità u ġenituri u oħrajn.

Justyne Caruana laqgħet b’sodisfazzjon dan l-abbozz għaliex huwa frott ta’ konsultazzjoni wiesgħa u qalet li ser tibda l-proċess biex dan l-abbozz ikun jista' jitressaq għad-diskussjoni u approvazzjoni. Hi faħħret ix-xogħol tal-KNPD bħala regolatur għas-settur tal-persuni b’diżabilità u esprimiet is-sodisfazzjoni tagħha li qed ikun hemm iktar kuxjenza u għarfien minn persuni b’diżabilità dwar id-drittijiet taghhom.

L-Onor Caruana tenniet tgħid li il-Gvern għandhu għal qalbu l-aġenda tad-diżabilità u filfatt il-Gvern ħadem fuq diversi liġijiet b’risq il-qasam tad-diżabilità. Fil-fatt tressqu numru ta’ liġijiet fosthom liġi biex persuni b’diżabilità jiġu irrappreżentati f’bordijiet tal-entitajiet tal-Gvern, abbozz biex il-lingwa tas-sinjali Maltija tiġi rikonoxxuta bħala il-lingwa uffiċjali u kif ukoll il-pakkett tal-baġit dwar il-qasam tad-diżabilità in partikolari dwar l-impjiegi. Dan kollu fil-kuntest tal-politika nazzjonali għall-persuni b’diżabilità u l-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-istess politika. Fakkret kif din il-ġimgħa stess tressaq l-ewwel qari tal-abbozz ta’ liġi biex jindirizza nuqqas fil-liġi tal-guardianship u fil-proġett soċjetà ġusta biex inserrħu ras il-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità.

More in Socjali