Biex jiġi evitat kull periklu, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, ħoloq aċċess alternattiv għall-pubbliku f’parti mill-Belvedere ta’ Blue Grotto, f’Wied iż-Żurrieq, wara li ġie osservat li xi blat fl-inħawi qed juri sinjali ta’ deterjorazzjoni kkawżati minn fenomeni naturali, b’tali mod li parti mill-belvedere tista’ tkun f’xi riskju għal min jiffrekwenta l-post.
Minħabba l-pożizzjoni partikolari ta’ dan il-wiċċ tal-blat, l-ispezzjonijiet tiegħu mill-viċin setgħu jsiru grazzi għal ‘drone camera footage’ li ġie pprovdut mill-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll minn spezzjoni li saret minn fuq il-blat fuq in-naħa ta’ fuq tal-għar. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, ġie stabbilit u kkonfermat li d-deterjorazzjoni ta’ dan il-wiċċ setgħet tippreżenta riskji f’parti mill-belvedere tal-Blue Grotto.
B’hekk b’effett immedjat, parti mill-aċċess għall-pubbliku se tingħalaq u minfloku, se jinħoloq aċċess alternattiv aktar ‘il fuq minn ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet. Fuq il-post, twaħħlu tabelli apposta biex jinformaw lill-pubbliku dwar dan l-aċċess ġdid u li juru ż-żona li se tkun magħluqa minħabba l-periklu.
Il-pubbliku xorta se jkun jista’ jgawdi l-veduti ta’ Blue Grotto mill-parti tal-belvedere li se tibqa’ miftuħa u li għaliha se jinħoloq aċċess ġdid għall-pubbliku.
Il-post se jinżamm magħluq sakemm jitlestew dawn ix-xogħlijiet u jinħareġ avviż ieħor meta dawn jitlestew u l-belvedere jerġa’ jkun aċċessibli għall-pubbliku.