Malta wieqfa għal tliet sigħat dalgħodu, u 2 sigħat oħra llejla hekk kif madwar 300 impjegat tat-trasport pubbliku, jiġifieri madwar nofs l-impjegati kollha f'dan is-settur waqfu jaħdmu fit-8am sal-11am.
Madwar it-8.30am xi wħud ir-rotot kienu għadhom qed joperaw, iżda kawża t'hekk wieħed seta' jinnota wkoll aktar traffiku mis-soltu, hekk kif ikun hemm aktar min juża karozzi privati minħabba biża' li ma jaslux għax-xogħol jew l-iskejjel.
L-istajk ġie ordnat mill-GWU - b'konsegwenza li l-maġġoranza tar-rotot tal-linja kienu ordnati ma joperawx. Il-ħaddiema fuq strajk inġabru fil-maġġoranza l-Belt Valletta, b'uħud jinġabru wkoll fiċ-Ċirkewwa, fil-Marsa, fil-Qawra kif ukoll fir-Rabat Għawdex.
Dalgħodu jidher ukoll li madwar id-9am xi wħud mix-xufiera imblukkaw il-venda tal-Belt Valletta b'tal-linji fuq "Not in Service". Eventwalment wara xi 20 minuta dawn tmexxew mill-uffiċjali tat-Trasport Pubbliku. Ġie rappurtat ukoll argument bejn grupp xufiera u uffiċjal tal-Malta Public Transport.
Is-servizz reġa' beda fil-11am, iżda mistenni li jerġa' jieqaf bejn l-4pm u 7pm.