Investiment ta' €300,000 għal tindif publiku aħjar
Kampanja suċċess ta' 'Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek'
More in Socjali
Kampanja suċċess ta' 'Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek'
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi ħabbar li s-sena li għaddiet, wara li tnediet il-kampanja Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek, il-Gvern investa mat-300,000 ewro f’makkinarju biex pajjiżna jitnaddaf aħjar, kif ukoll irdoppjaw u f’ċerti każi tripplaw, il-frekwenzi ta’ tindif f’żoni turistiċi.
Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura investa fil-corporate image tad-Direttorat għat-Tindif, il-ħaddiema ngħataw uniformi ġdida, inkluż ġkieket għax-Xitwa u nxtraw trakkijiet u vannijiet li jippromwovu l-mascots Garby and Tidy bħala parti mill-kampanja ‘Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek.’
Il-Ministru Joe Mizzi ħabbar li matul is-sena li għaddiet, id-Direttorat ġabar 14,600 tunnellata skart, 33 fil-mija skart aktar mis-sena 2013, meta nġabru 9,600 tunnellata. Fl-ewwel 4 xhur ta’ din is-sena diġà nġabru 26% iktar skart milli nġabru fl-ewwel 4 xhur tas-sena l-oħra. Dan ifisser aktar ħidma u aktar produttività u li l-ħaddiema qed jagħmlu iktar xogħol, però ma jfissirx li l-poplu jista’ jkompli jabbuża mis-sistemi.
Il-Ministru rrimarka li s-sena li għaddiet kien ġie mistoqsi għalfejn ma jitwaħħlux kameras f’postijiet magħrufin għal tfigħ illegali ta’ skart u kien spjega li l-ewwel fażi tal-kampanja se tkun l-edukazzjoni, waqt li t-tieni fażi tkun l-inforzar.
Filwaqt li esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li minkejja li d-Direttorat żied il-produttività tiegħu, l-abbużi ma waqfux, il-Ministru ħabbar li l-kampanja issa dieħla fit-tieni fażi tagħha, jiġifieri l-infurzar.
Għaldaqstant, fix-xhur li għaddew inħareġ tender għall-installazzjoni u l-operat ta’ erba’ kameras tas-sigurtà. Dawn se jitwaħħlu f’dawk iż-żoni l-aktar li huma magħrufin għal tfigħ ta’ skart illegali, bl-ewwel waħda li għadha kif twaħħlet fiż-żona magħrufa bħala l-Foss, f’Ħaż-Żabbar. Is-sistema se ssir b’kollaborazzjoni mal-Pulizija, jiġifieri f’każ ta’ rimi illegali, il-filmat jgħaddi għand it-taqsima responsabbli mill-inforzar tal-liġi amministrattiva biex din tinvestiga u tieħu l-passi li tirrikjedi l-liġi.
Id-Direttur tad-Direttorat għat-Tindif Ramon Deguara qal li matul l-aħħar sitt xhur tas-sena li għaddiet id-Direttorat investa f’sistema ta’ IT ġdida li tgħaqqad mal-website ġdida kif ukoll il-mobile applications, fejn wieħed jista’ jirreġistra l-ilmenti tiegħu.
Minn 2,000 każ li ġew reġistrati ġew solvuti 98%. Matul din is-sena diġà ġew reġistrati mas-600 ilment u ġew solvuti 93% minnhom.