Klieb tal-assistenza se jitħallew jivvjaġġaw ma' sidhom fuq l-Air Malta

Air Malta taġġorna l-Policy fuq il-Ġarr ta’ Klieb ta’ Assistenza

Iċ-chairman tal-MGDF u l-kelb gwida tiegħu Aval, mal-General Manager tal-Air Malta,  Nadia Giordimaina, l-Eżekuttiv tal-Passenger Handling Fabian Mizzi
Iċ-chairman tal-MGDF u l-kelb gwida tiegħu Aval, mal-General Manager tal-Air Malta, Nadia Giordimaina, l-Eżekuttiv tal-Passenger Handling Fabian Mizzi

Klieb ta’ assistenza ssa jistgħu jivvjaġġaw ma’ sidhom fuq kull titjira tal-Air Malta skont l-aħħar aġġornament fil-Policy fuq il-Ġarr ta’ Klieb ta’ Assistenza tal-linja tal-ajru nazzjonali.

Din il-policy ġiet aġġornata wara li saru diskussjonijiet bejn Leone Sciberras, Ċermen tal-Fondazzjoni ta’ Klieb Gwida ta’ Malta (MGDF), u Fabian Mizzi, Eżekuttiv tal-Passenger Handling tal-Air Malta. Kien hemm numru ta’ laqgħat interni fil-linja tal-ajru, fosthom mal-Kummerċjali, Ground Handling, Affarijiet Internazzjonali u mal-Grupp ta’ Azzjoni fuq is-Sigurtà fil-Kabina. Bħala riżultat, numru ta’ manwali tal-linja tal-ajru ġew riveduti.

It-taħditiet biex il-klieb ta’ għajnuna jitħallew fuq it-titjiriet tal-Air Malta bdew numru ta’ snin ilu taħt l-ewwel Ċermen tal-MGD, il-mibki Ron Colombo.

Kif spjega s-Sur Sciberras: “Meta l-Air Malta bdew iħallu klieb gwida jivvjaġġaw fil-kabina tat-titjiriet tagħhom għall-ewwel darba, kien hemm ftit ħafna minn dawn il-klieb f’Malta, iżda n-numru ta’ dawn il-klieb tela’ għal 13 f’Malta u Għawdex, u dik il-figura se titla’ fis-snin li ġejjin. Nirringrazzjaw lil Air Malta talli għamlu dan il-pass ’l quddiem u m’għandix dubju li din il-policy tista’ tiġi riveduta u aġġornata biex iżżomm maż-żminijiet.”

Ġew konsultati wkoll il-Federazzjoni Ewropea ta’ Klieb Gwida u l-Klieb ta’ Assistenza tal-Ewropa, rappreżentati minn Mark Van Gelder.

Is-Sur Mizzi qal li l-linja tal-ajru ħasset il-ħtieġa li taġġorna l-policy tagħha minħabba li tinsab kunfidenti li, sakemm il-kelb jilħaq il-kriterji ta’ sħubija fil-Federazzjoni Internazzjonali ta’ Klieb Gwida jew Klieb ta’ Għajnuna tal-Ewropa u l-kelb hu mħarreġ sew, ma jkunx ta’ riskju għall-passiġġieri l-oħra li jkunu qegħdin jivvjaġġaw.

“Fost il-Klieb ta’ Assistenza li aħna ngħarfu hemm klieb gwida, klieb li jgħinu dawk neqsin mis-smiegħ u klieb li jgħinu nies b’diżabilità jew mobbilità nieqsa barra minn nuqqas ta’ dawl u smiegħ.”

Fil-policy, li għandha l-għan li tiżgura l-aħjar prattiċi fl-industrija, hemm imniżżla l-proċeduri li wieħed irid isegwi biex jitlob permess biex Kelb ta’ Assistenza jitla’ fil-kabina u fejn jista’ jpoġġi s-sid.

Wieħed irid iċempel il-Call Centre tal-Air Malta mill-inqas 48 siegħa qabel il-ħin li t-titjira hi skedata biex titlaq (fil-każ ta’ titjiriet lejn ir-Renju Unit din hi sebat ijiem). Irid jagħmel l-istess ħaġa għat-titjira lura lejn Malta.

More in Socjali