Inawgurata residenza għaż-żgħażagħ bi bżonn ta’ kura psikjatrika

Waqt it-tnedija tar-residenza għaż-żgħażagħ u adolexxenti
Waqt it-tnedija tar-residenza għaż-żgħażagħ u adolexxenti

Ġiet inawgurata residenza għaż-żgħażagħ, viċin l-Isptar Monte Carmeli, li se tilqa’ fiha żgħażagħ u adoloxxenti li jkollhom bżonn kura psikjatrika. 

Fil-ftuħ tar-residenza, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne qal li din il-binja ġiet iddiżinjata mill-ġdid u adattata biex tlaħħaq mal-bżonnijiet taż-żgħażagħ tal-lum bi problemi mentali. Id-diżinn tal-binja jagħti lok għall-kura aktar individwalista u jimxi lil hinn minn format ta’ istituzzjoni medika. 

 Fearne qal li din il-binja se tkun qed titmexxa minn konsulent ġdid, Nigel Camilleri li jispeċjalizza f’kura psikjatrika fiż-żgħażagħ. “Din il-binja li tinsab viċin, imma fl-istess ħin ’il barra mill-Isptar Monte Carmeli, hija aktar dar milli istituzzjoni medika u għalhekk f’ambjent ta’ dar, iż-żgħażagħ jistgħu jiġu mgħejjuna jintegraw aktar malajr fis-soċjetà.” 

 Is-Segretarju Parlamentari qal li l-viżjoni tal-gvern għall-pazjenti li jbatu minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali hija li dawn jingħataw l-aqwa kura possibbli. Għaldaqstant inħasset il-ħtieġa sabiex tfal u adoloxxenti li jbatu minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali, jibbenefikaw minn post xieraq li jakkomoda l-persuni kollha li jkollhom bżonn jirċievu kura bħala inpatients.

 Ir-residenza se tilqa’ l-ewwel pazjenti tagħha għada t-tnejn.

More in Socjali