Il-qligħ tal-Bank tal-Vatikan jiżdied b'20 darba

Wara bidliet interni l-bank ra' qligħ ta' €69.3 miljun fl-2014

Il-bank tal-Vatikan, magħruf b'mod uffiċjali bħala l-Istitut għax-Xogħlijiet Reliġjużi (IOR) ra żieda kbira fil-profitti tiegħu fl-2014.

Is-sena l-oħra l-bank ra qligħ ta €69.3 miljun, mqabbla mal-€2.9 miljun li ra fl-2013 - sena li fiha ra investimenti ħżiena u spejjeż kbar.

Is-sena l-oħra l-ġestjoni tal-bank inbidlet, bħala parti mill-pjan tal-Papa Franġisku sabiex ineħħi l-korruzzjoni.

"L-għan ewlieni tagħna huwa li ntejbu l-istandards tas-servizz li nagħtu lill-klijenti, u li s-servizzi tal-ġestjoni tal-assi tagħna tkun aktar professjonali milli diġà hi," qal ċ-chairman tal-IOR Jean-Baptiste de Franssu.

Bħala parti mill-bidla mil-qiegħ, il-bank wiegħed li jagħmel moniteraġġ fuq kull kont li hemm, permezz tal-esperti kontra l-ħasil tal-flus. B'riżultat ta' dan għalaq aktar minn 4,000 kont minn Mejju tal-2013 - li ħafna minnhom kienu kontijiet mhux attivi. 554 minnhom iżda ngħalqu għax ma leħqux l-istandards l-ġodda tal-bank.

L-IOR jiċċirkola flus madwar id-dinja sabiex jiffinanza l-missjonijiet Kattoliċi u jipprovdi servizz bankarju lill-Papa u membri tal-ordnijiet reliġjużi u tal-kleru.

 

More in Socjali