Ir-riżultat tar-referendum fuq iż-żwieġ għal koppji gay huwa 'telfa għall-umanità'

Ir-reazzjoni tal-Vatikan fi kliem il-Kardinal Pietro Parolin

"Kont imnikket ħafna bir-riżultat. Il-Knisja trid tagħti kas din ir-realtà, imma fis-sens li trid issaħħaħ l-impenn tagħħa lejn l-evaġelizzazzjoni. Naħseb li ma tistax tgħid li din hija telfa għall-prinċipji Kristjani, imma telfa għall-umanità." Kienu dawn kliem il-Kardinal Pietro Parolin, is-segretarju tal-istat tal-Vatikan dwar il-leġiżlazzjoni taż-żwieġ fost koppji omosesswali fl-Irlanda.

L-Irlanda kien l-ewwel pajjiż fid-dinja li llegalizza ż-żwieġ bejn koppji omosesswali permezz ta' vot popolari - b'62% tal-votanti vvutaw favur fi tmiem il-ġimgħa li għadda.

Il-Kardinal Pietro Parolin jitqies ll-ogħla uffiċjal fil-Vatikan wara l-Papa skont il-ġerarkija tal-Knisja. L-opinjoni tiegħu s'issa kienet l-aktar waħda ħarxa minn uffiċjali tal-Knisja fl-ogħla karigi.

Intant l-Arċisqof ta' Dublin Dairmuid Martin saħaq kif "dan ir-referendum wera biċ-ċar l-affermazzjoni tal-opinjoni taż-żgħażagħ. Il-Knisja għandha bżonn iżżomm saqajha mal-art."

 

 

More in Socjali