Annimali mejta u karkassi mormija barra llegalment

Il-ħmieġ iġib il-ħmieġ . . .- Intervista mad-direttur tal-Indafa

Ramon Deguara għandu 41 sena minn Ħal-Luqa u joqgħod iż-Żurrieq. Wara 23 sena jaħdem fid-direttorat tat-tindif, madwar sentejn ilu ngħata l–kariga ta’ direttur biex imexxi dan id-dipartiment li taħtu jaqgħu 500 impjegat. Hu l-persuna li ħoloq kampanja ta’ indafa ‘Għalfejn tħammeġ pajjiżek’ u l-karattri Garby & Tidy li ħadu post Xummiemu.

 

Iltqajt ma’ Ramon biex niddiskuti miegħu l-indafa pubblika, suġġett għall-qalbi sew – hekk kif ma niflaħx nara lill-Maltin iħammġu lil pajjiżhom qisu mhux qed jiġri xejn. Tkellimt miegħu dwar x’qed jagħmel id-direttorat tiegħu biex jitnaqqas il-ħmieġ li l-poplu Malti jitfa’ fit-toroq u f’kull wesgħa li jsib. X’qed jagħmel biex, mhux biss jitnaddaf, iżda wkoll biex joħloq kuxjenza biex il-poplu Malti jitgħallem ma jħammiġx l-ambjent tiegħu? X’qed isir għal min ma jridx jitgħallem? Din intervista li, aktar milli bbażata fuq il-persuna nnifisha, bħalma s-soltu jkollna f’din ir-rokna tal-gazzetta, hi bbażata fuq x’qed jagħmel dan id-direttur ġdid fid-dipartiment tal-indafa - biex jara li pajjiżna mhux biss jitnaddaf iżda jitħammeġ inqas.

Malta hi maqsuma f’dak li hu tindif. Hemm it-tindif li jieħu ħsiebu l-kunsill lokali u t-tindif li jsir mid-Direttorat tal-Gvern tat-Tindif, li fil-fatt jieħu ħsieb li jnaddaf it-toroq alterjali u dawk distributorji u dak kollu li hu eskluż li mhux tal-kunsilli lokali. Iżda fl-istess waqt jgħin anke lill-kunsilli lokali biex ikun hemm iżjed tindif u aktar indafa, speċjalment lil dawk l-kunsilli lokali li fl-istaġun tas-sajf jżidu ħafna l-popolazzjoni tagħhom u jkollhom bżonn għajnuna fit-tindif, bħal fil-każ ta’ Buġibba/Qawra/San Pawl, Paceville eċċ.

“Fl-2014 inġabar 15,000 tunellata skart mill-Gvern Ċentrali” beda jgħidli Ramon, “34% aktar mis-sena ta’ qabel u fl-ewwel 4 xhur ta’ din is-sena diġà inġabru 26% aktar mis-sena li għaddiet.” Mistoqsi jekk dan hux għax hawn aktar skart u ħmieġ, weġibni li r-raġuni hi li hemm aktar entużjażmu biex dan id-dipartiment jaħdem bla waqfien ħalli jnaddaf pajjiżna u fl-istess ħin jgħin biex joħloq kampanji favur l-indafa fl-ambjent.

Mitlub jsemmi x’inhi din il-kampanja wieġeb li nħoloq freephone 1718, “fejn min jara xi ħmieġ jew għandu xi skart li jrid jeħles minnu kulma għandu jagħmel hu li jċempel dak in-numru - “Aħna kull telefonata nagħtu kasha, kemm jekk ikun hemm xi skart ta’ xi annimal jew skart ieħor li jitnaddaf wara siegħa, kif ukoll jekk l-iskart ikun ta’ natura goffa, ta’ kostruzzjoni inkella ta’ xi makkinarju nieħdu sa massimu ta’ 3 ġimgħat biex inneħħuh. Is-sena li għaddiet kellna 2,000 talba biex inneħħu xi skart – fejn  neħħejna 95% minnu. Ma neħħejniex kollox għax ikunu mitfugħa f’xi art privata li ħadd ma jkun jaf ta’ min hi, u biex nidħlu fiha nkunu rridu l-permessi mill-MEPA jew li l-Lands jgħaddulna l-informazzjoni ta’ min tkun. Din is-sena diġa kellna 600 każ  li solvejnihom kważi kollha.”

Intervista sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Socjali