Tnedija taċ-Ċentru LEAP! f’Ħal Qormi

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia nieda ċ-Ċentru LEAP! f’Ħal Qormi, ċentru li se jkun qed iservi bħala ‘Ċentru għar-Riżorsi tal-Familja’

Waqt it-tnedija fiċ-Ċentru LEAP!
Waqt it-tnedija fiċ-Ċentru LEAP!

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia nieda ċ-Ċentru LEAP! f’Ħal Qormi, ċentru li se jkun qed iservi bħala ‘Ċentru għar-Riżorsi tal-Familja’.

 Farrugia qal li din hija okkażjoni oħra f’kullana ta’ okkażjonijiet fejn bi pjaċir qed jitnieda dan iċ-ċentru għall-Iżvilupp Soċjali f’Ħal Qormi. “L-ispirtu ta’ dawn il-proġetti huwa illi bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba kollha jintlaħqu dawk vulnerabbli.”

Żied jgħid li dan kollu huwa rrappreżentat b’mod ħaj illum. “Dan għaliex, iċ-ċentru LEAP! f’Ħal Qormi qed jinfetaħ bis-saħħa tal-koperazzjoni b’saħħitha li hemm f’dan is-settur mal-Knisja.”

 Il-Ministru Farrugia qal illi l-proġett LEAP!, li huwa proġett pilota, qed joqrob lejn tmiemu u għaldaqstant, il-Gvern u l-Ministeru li jmexxi hu, ilhom għaddejjin għal numru ta’ ġimgħat fuq ħidma sabiex dan il-proġett ikompli għaddej. Semma kif f’dan ir-reġjun kien hemm 49 benefiċjarju fil-bidu tal-proġett li llum 11 minnhom ġew megħjuna jsibu impjieg filwaqt li 38 oħra qegħdin fuq fażi ta’ taħriġ biex jiġu introdotti fis-sistema tas-supported employment b’koordinament mas-settur privat.

 “Hija l-intenzjoni tal-Gvern li ħadd ma jibqa’ lura, u għaldaqstant filwaqt li qed inħeġġu lil dawk kollha li jistgħu jintegraw ruħhom fid-dinja tax-xogħol sabiex jagħmlu dan, qed inħejju wkoll proġett ieħor sabiex flimkien mal-NGOs nagħtu aktar dinjità u aktar sostenn lil dawk li minħabba l-kundizzjoni tagħhom ma jistgħux jaħdmu” qal Farrugia.

 Tkellem ukoll dwar ir-Riforma li qed issir fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali, fejn il-kunċett ta’ xogħol fil-komunità u ‘outreach’ huwa fil-quċċata tal-aġenda. Qal li wieħed mill-impenji kbar tal- Gvern u l- Ministeru se jkun dak li jiġi offrut perjodu ta’ taħriġ li jkun segwit minn supported employment. 

 Il-Ministru temm billi rringrazzja l-impenn ta’ Dun Anton Cassar għax-xogħol tiegħu fin-network tar-reġjun kif ukoll lis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg għall-appoġġ li ta f’dan il-Proġett.

 Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg esprima sodisfazzjon għall-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru f’Ħal Qormi. 

 Huwa spjega wkoll kif fil-jiem li ġejjjin se titnieda skema li komplessivament tammonta għal €12m u li permezz tagħha, se nkunu qed niftħu l-bibien għal aktar opportunitajiet ta’ impjieg u se sservi bħala inċentiv għal min iħaddem miegħu - f’dan il-każ ħaddiema bi bżonnijiet speċjali. Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg spjega li din l-iskema se tkun qed tikkumplimenta traħħis f’tax reductions imħabbra fl-aħħar baġit sabiex aktar nies li jħaddmu jimpjegaw magħhom nies bi bżonnijiet speċjali.

More in Socjali