“Ix-xogħlijiet fuq il-park ta’ rikreazzjoni jinsabu fi stadju avvanzat u li r-residenti tal-Imtarfa u l-kumplament tal-poplu Malti se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dan kollu fiż-żmien li ġej.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u għall-Fondi Ewropej Ian Borg waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-bosk tal-Imtarfa.
Borg qal li dan ix-xogħol qed jikkonserva l-bosk kif magħruf, iżda qed isiru diversi interventi sabiex dan isir aktar aċċessibbli u joffri faċilitajiet ġodda għall-familji kollha. “Dan kollu ma setgħax ikun possibbli mingħajr allokazzjoni lill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, ta’ xejn inqas minn €270,000 mill-Programm LEADER taħt il-Fond Agrikolu Ewropej għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013.”
Is-Segretarju Parlamentari saħaq kif il-prijorità ewlenija ta’ dan il-bosk kienet l-ambjent naturali, li saħansitra jista’ jattira aktar Maltin iżda wkoll turisti sabiex jesperjenzaw il-ġonna Mediterranji. “Dan il-bosk, fost ħafna affarijiet ta’ tisbiħ, se jkun qed jinkludi fih ukoll aċċess għas-sistema tal-Wi-Fi.”
Ian Borg ħabbar ukoll li nhar it-Tnejn l-1 ta’ Ġunju 2015 se jkun hemm sejħa oħra taħt il-Programm LIFE. Taħt il-miżura tal-ambjent, Dr Borg spjega li Malta għandha allokazzjoni ta’ madwar €12 miljun għall-perjodu 2014-2017 u l-applikanti ta’ dan il-fond ċentralizzat jistgħu jkunu NGOs, entitajiet pubbliċi u anki entitajiet privati. L-applikazzjonijiet se jibqgħu miftuħa sal-1 ta’ Ottubru 2015. Huwa ħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-ambjent ta’ pajjiżna sabiex jersqu ’l quddiem bil-proġetti tagħhom u li eventwalment se jingħataw l-fondi meħtieġa sabiex jimplimentaw l-istess pjanijiet.
Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku tal-Imtarfa, is-Sur Daniel Attard li esprima s-sodisfazzjon tiegħu li dan il-proġett sa fl-aħħar se jkun lest u li n-nies tal-Imtarfa se ikollhom post fejn jistgħu jistrieħu, bħalma jeżistu diġà f’postijiet oħra.