Il-kultura tal-inkulturati fil-Belt tal-kultura!

II-Belt Valletta tibda tħejji għall-Valletta 18...imma kemm hi lesta għal dan it-titlu?

Il-galleriji karatteristiċi tal-Belt
Il-galleriji karatteristiċi tal-Belt

Hekk kif il-Belt Valletta bdiet tħejji għall-Valletta 18 – is-sena fejn fiha ħa tkun il-Belt Ewropea għall-Kultura, bdejna naraw bħal donnu moviment risorġimentali li fih dik li xi darba kienet meqjusa bħala belt kapitali kważi mejta, qed terġa’ tingħata l-ħajja – biex b’hekk tleħħaq mat-titlu tant mistħoqq li ngħatilha. 

Illum tidħol il-Belt filgħaxija issib ħajja kompletament differenti minn dik li kien hemm saħansitra ħames snin ilu – hekk kif it-toroq, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa, ikunu miżgħuda bin-nies, turisti u mhux, jippassiġġaw kif ukoll jieklu jew jixorbu xi tazza nbid, fil-bosta postijiet li faqqsu aktar ma beda jikber is-suq għalihom. Iżda ħaġa li ma tistax ma tinnutax, kif ukoll ma tismax, huma bosta żgħażagħ, li tista’ tgħid jiġu minn Malta kollha, li jaraw fil-Belt il-post ideali biex iqattgħu serata mal-ħbieb – hekk kif fil-maġġoranza tagħhom huma taħt is-16-il sena u b’hekk ikunu jistgħu wkoll jaqbdu tal-linja trankwillament lura għad-dar. 

Triq ir-Reppubblika - it-triq prinċipali tal-Belt
Triq ir-Reppubblika - it-triq prinċipali tal-Belt

Iżda xi wħud mill-qarrejja esprimew tħassib għal dak li qiegħed jiġri filgħaxijiet, hekk kif xi wħud minn dawn iż-żgħażagħ, fi gruppi kbar, jistgħu jinstemgħu jagħmlu storbju, b’xi wħud isostnu wkoll li jingħataw fastidju. L-ILLUM tkellem ma’ xi wħud mis-sidien u impjegati tal-ħwienet dwar dak li qiegħed jiġri, u dwar jekk dan fuq kollox hux qed ikollu impatt fuq in-negozju tagħhom. 

Wieħed mill-ewwel postijiet li jilqgħek ic-City Gate, li forsi anke minħabba li joffri kenn għaliex huwa msaqqaf, ikun miżgħud b’bosta żgħażagħ. Meta tkellimna ma’ ħaddiema ta’ wieħed minn dawn il-ħwienet li jinstabu f’dan iċ-ċentru qaltilna li dawn “il-gruppi kbar huma storbjużi, u jħallu diżastru warajhom. Fuq kollox iwerżqu ħafna.” Sostniet li mhux l-ewwel darba wkoll li rat konsumaturi jitgerxu minħabba li jistkerħu jidħlu minħabba f’hekk. 

Manager ta’ restaurant/bar fi Triq ir-Repubblika sostna li “dawn iż-żgħażagħ mhux posthom hawn.” Qalilna li “mhux l-ewwel darba li turisti jiġu jistaqsuna x’qed jagħmlu hafn, u għaliex ma jinstabux f’xi park x’imkien. Ikollna turisti li jibqgħu ċċassati għal dak li qed jaraw. Ikunu qed jgħajtu u jagħmlu l-istorbju. Ma nafx hux xi moda ġdida imma ħafna minnhom saru anke jduru b’stereo fuq spallithom – biex żgur jagħmlu aktar storbju. Hawn żgur mhux posthom.” Sostna wkoll li dan igerrex lill-klijenti, li suppost imorru post bħal dan sabiex jirrilassaw. 

Tallaba fid-daħla tal-Belt - minkejja li hija illegali
Tallaba fid-daħla tal-Belt - minkejja li hija illegali

Meta mistoqsi jekk qatt instabux affarijiet imkissra, sostna li “ mhux eżatt…f’xi każijiet sibna anke ashtrays jew oġġetti żgħar misruqa – affarijiet żgħar imma xorta mhix xi ħaġa pjaċevoli.”

Tkellimna wkoll ma’ stabbiliment tal-fast food li quddiemu l-aktar li jiġabru dawn il-gruppi, fejn wieħed mill-managers mill-ewwel wieġeb kif “quddiemna jintefgħu ħafna tfal żgħar – għadek qas taf x’diżàstru jħallu – kemm jarmu bl-addoċċ u jgħajtu. Anke ġlied bl-idejn inkun hawn. Ġewwa jgaraw anke affarijiet minn fuq għall-isfel u jiġġieldu hawn ġew ukoll.”

Mistoqsi jekk iħallix impatt fuq in-negozju, sostna li “żgur. Familji u n-nies tal-affari tagħhom m’għadhomx jersqu ’l hawn għax igerxuhom. Hemm xi wħud li joqogħdu anke jaqbdu magħhom – jgħajru lill-familji.”

Eżempju ta’ skart mormi fit-toroq prinċipali
Eżempju ta’ skart mormi fit-toroq prinċipali

Mal-kumplament tas-sidien u ħaddiema li tkellimna magħhom jidher li s-sentiment popolari huwa li dawn il-gruppi mhux posthom hemm. Uħud espremew tħassib għall-fatt li dawn iż-żgħażagħ ma jkunu qed jagħmlu xejn ħlief forsi jittantaw ix-xemx għaddejja – ħaġa li bosta ddeskrivew bħala problema għax huwa aktar faċli li jaqgħu anke f’vizzji f’età tant sensittiva. 

Ovvajemnt mhux kulħadd għandu jitpoġġa taħt l-istess keffa – hemm żgħażagħ li jiffrekwentaw il-post u li ma jagħtux fastidju. Li hija inkwetanti hija li hemm sezzjoni tas-soċjetà li mhix qed tiġi indirizzata – bil-konsegwenza li, minkejja l-preżenza ta’ pulizija fit-toroq prinċipali, xorta xi wħud mill-adulti preżenti, inkluż xufiera tax-xarabanks, jispiċċaw ikollhom jagħmluha tal-wardens – u jferrqu anke ġlied li jkun hemm. 

Dawn iż-żgħażagħ ħafna minnhom la huma l-età ta’ Paceville, imma kemm jekk nammettuha jew le, lanqas fl-era tal-ħruġ maż-ŻAK. Jista’ jkun dan mhu xejn għajr prodott ta’ grupp mis-soċjetà li huma minsija? Ta’ grupp, li għax forsi bla vot, nistgħu nfarfruhom minn fuq spallejna? 

More in Socjali