Kollox jindika staġun tajjeb
In-nefqa ras għal ras qegħda tiżdied ukoll
minn Frederick Attard
Ir-riżultati fit-turiżmu li ġew reġistrati s’issa matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena jindikaw kontinwazzjoni b’saħħitha tax-xejriet pożittivi li seħħew matul l-aħħar sentejn.
Dawn ir-riżultati qatt m’għandna nnaqqsu l-apprezzament tagħna lejhom għaliex mhux faċli li wieħed isostni tkabbir rekord b’aktar tkabbir rekord fi kwalunkwe attività ekonomika inkluż it-turiżmu.
Matul il-perjodu bejn Jannar u April ta’ din is-sena, in-numru ta’ turisti li ġew Malta qabeż iċ-ċifra ta’ 400,000 turist sabiex laħaq l-ammont rekord ta’ 402,490 turist li tirrapreżenta żieda ta’ xejn inqas minn 5.7% fuq l-istess xhur tas-sena l-oħra. Indikazzjonijiet għax-xahar ta’ Mejju jagħtuna x’nifhmu li dawn ir-riżultati sbieħ huma mistennija jkomplu għal matul dan ix-xahar ukoll. F’dan l-istess żmien, in-numru ta’ ljieli li qattgħu fostna t-turisti żdied bi 3.5%, filwaqt li n-nefqa mit-turisti rreġistrat żieda impressjonanti ta’ 6.8% sabiex laħqet iċ-ċifra totali ta’ €311.2 miljun.
Dawn l-indikaturi differenti jagħtu stampa ċara dwar l-andament ġenerali tat-turiżmu lejn pajjiżna matul din is-sena u qiegħed joħroġ b’mod kategoriku li qegħdin inkomplu mhux biss inżidu l-volumi turistiċi tagħna, iżda qegħdin inżidu wkoll il-valur finanzjarju u ekonomiku ta’ din l-industrija.
Meta ż-żieda fin-nefqa tkun aktar b’saħħitha miż-żieda fin-numri jkun ifisser biss li n-nefqa ras għal ras qegħda tiżdied ukoll.
L-impatti prinċipali ta’ dawn ir-riżultati fuq is-settur tal-akkommodazzjoni jikkonsistu kemm f’rati ta’ okkupanza għola kif ukoll f’rati mħallsa aħjar. Dawn iż-żewġ fatturi jgħinu bis-sħiħ sabiex tiżdied il-profittabilità ta’ dawn l-azjendi: liema profittabilità tissarraf f’aktar opportunitajiet ta’ impjiegi u aktar investiment fi prodott superjuri li eventwalment jikkontribwixxi għal titjib futur fl-industrija tat-turiżmu Maltija.
It-tbassir għas-sajf huma pożittivi. Malta qegħda tgawdi minn numru ta’ servizzi addizzjonali u ġodda bl-ajru li mhux biss żiedu l-aċċessibilità lejn pajjiżna iżda qegħdin ikattru wkoll l-ammont ta’ seats fuq il-linji tal-ajru disponnibli għat-turisti li jixtiequ jżuruna. Dan kollox jindika li għandna jkollna staġun tas-sajf tajjeb ieħor minkejja l-problemi ekonomiċi li għadhom jiffaċċjaw numru ta’ ekonomiji barranin u t-taqlib politiku f’numru ta’ reġjuni madwar id-dinja.
Intant, Malta tibqa’ l-aktar destinazzjoni favorita ma’ turisti li ġejjin mis-suq Ingliż, Taljan, Ġermaniż, fost l-oħrajn.
Hemm ukoll ħames linji tal-ajru li dwarhom intlaħaq ftehim biex jibdew itiru minn u lejn Malta din is-sena. Finnair qed taħdem ir-rotta bejn Malta u Helsinki, Transaero bejn Malta u Moska, Swiss minn Zurich, Agean minn Ateni u Jet2 minn ħames ajruporti fir-Renju Unit – Dan ifisser li b’kollox, minbarra l-Air Malta, fl-2015 se jkun hemm 33 linja tal-ajru li jtiru minn u lejn Malta għal total ta’ 127 rotta.