L-imħabba ssiġillata b’lukkett
Il-moda tal-lukketti t’imħabba madwar l-Ewropa u f’Malta
minn Christa Boffa
Jgħidu li l-imħabba għamja, iżda dan ma jfissirx li l-maħbubin ma jagħmlux minn kollox biex juru lill-bqija tad-dinja l-imħabba li jkunu sabu – u li b’xi mod jew ieħor, kemm b’superstizzjoni u kemm le, jissiġillaw l-imħabba tagħhom. U kif jista’ wieħed jissiġilla l-imħabba tiegħu aħjar milli b’lukkett – anzi preċiżament, lukkett t’imħabba?
Din il-gimgħa tneħħew il-lukketti li mijiet ta’ eluf ta’ koppji waħħlu mal-pont l-aktar magħruf għal din it-tradizzjoni – dak tal Pont des Arts fil-kapitali tal-imħabba – Pariġi. Dan l-istess pont kien diġà sfronda taħt il-piż tat-tunnellati – 45 tunnellata biex inkunu preċiżi, li dawn jiżnu f’daqqa. Dan il-pont sar l-aktar magħruf ħabba din it-tradizzjoni riċentament, b’bosta bejjiegħa jarmaw ħdejn il-pont stess armati biex ibigħu, anke bi prezzijiet redikoli, lukketti ta’ kull daqs u forma lill-maħbubin biex dawn inaqqxu isimhom fuqhom u jittamaw li jitnaqqax ukoll fil-pjanijiet tad-destin biex forsi jżommhom flimkien.
Dan sa nhar it-Tnejn li għadda – hekk kif perit Ingliż sab soluzzjoni għal din it-tradizzjoni li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar bdiet iddejjaq aktar lin-nies tal-lokal – li ddeskrivew il-lukketti ppustjati wieħed ħdejn l-ieħor bħala dagħwa għall-estetika tal-belt magħrufa għall-arkitettura klassika u rikka li għandha. Il-pont flok xibka ta’ ħadid issa ħa jkollu reċint tal-plexi-glass.
Qabel il-moda ta’ Instagram jew Facebook
Minkejja li bosta jaħsbu li din hija xi tradizzjoni riċenti, l-għeruq tagħha jmorru lura għal qabel iż-żmien fejn kulħadd jrid jitfa’ kull mument fuq Instagram jew Facebook – madwar 100 sena ilu, fis-Serbja waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija. Skont storja ta’ niket Serbjana, kien hemm Nada, kap ta’ skola minn Vrnjačka Banja. Din iltaqgħet ma uffiċjal Serb jismu Relja. Wara li taw l-kelma li ħa jibqgħu dejjem ta’ xulxin, Relja mar jiġġieled f’Korfù, fejn iltaqa’ ma mara tal-post u malajr nesiha lil Nada – hekk kif beda jħobb lin-namrata l-ġdida tiegħu. Jgħidu li Nada mietet b’qalb maqsuma minħabba din it-traġedja li ġratilha – u biex jaraw li ma jiġrilhomx l-istess, it-tfajliet tal-istess belt bdew jiktbu isimhom u isem il-maħbub tagħhom fuq lukketti żgħar u jwaħħluhom mal-pont Most Ljubavi – “il-Pont tal-Imħabba” fejn Nada u Relja kienu jiltaqgħu.
Mis-Serbja sal-bqija tal-Ewropa
Mhux ċar eżattament x’wassal lil din il-moda biex terġa’ titfaċċa, u fuq kollox kif infirxet daqshekk malajr mal-bqija tal-Ewropa. Li hu żgur huwa li dan ġara fil-bidu tas-snin 2000 – bl-aktar postijiet magħrufa jkunu f’Pariġi u fl-ibliet Taljani ta’ Firenze u Ruma. Fil-Belt Eterna jidher li kien l-awtur Federico Moccia bil-ktieb tiegħu I Want You li ġiegħel lil ħafna Taljani, u mhux, biex jissiġillaw l-imħabba tagħħom mal-Ponte Milvio.
Fl-Italja stess kien hemm ukoll min ried jagħmel l-istess mal-Ponte Vecchio f’Firenze – iżda l-kunsill ra kif għamel biex neħħa il-5,500 lukkett li skonthom, kienu qed jinsultaw l-estetika ta’ din il-belt pittoreska; u li bdew jagħmlu ħsara lill-arkitettura tal-pont stess.
Il-konsegwenzi mhux daqstant romantiċi
F’Pariġi din it-tradizzjoni mxiet mal-ħdax-il pont li jaqsmu x-xmara Seine, u mhux biss mal-Pont des Arts. Minkejja miżuri li ttieħdu tul is-snin, jidher li huwa diffiċli li l-belt tikkontrolla din it-tradizzjoni. Il-konsegwenzi ta’ din it-tradizzjoni iżda mhumiex daqshekk romantiċi – hekk kif ftit tas-snin ilu żewġ Amerikani nedew petizzjoni fuq is-sit Change.org biex jiġġieldu din il-prassi. Lisa Taylor Huff, waħda mill-imħuħ wara l-protesta qalet li meta kienet tmur fuq Pont des Arts qabel ma bdiet din il-moda tal-lukketti “stajt tmur hemm u tpoġġi bilqegħda u tirrilassa. Imma l-aħħar li mort mar-raġel tiegħi beda jħossu fiżikament ma jiflaħx.”
Ftit tal-ġimgħat wara bagħtu rapport fejn bdew isostnu li l-pont, parti minn Wirt Storiku Dinji tal-UNESCO qed isirlu dannu kbir b’dawn il-lukketti, u li minħabba t-tradizzjoni titlob li ċ-ċwievet tal-lukketti jintremew fix-xmara, dawn iċ-ċwievet kiennu qed jissaddu u kienu qed ipoġġu theddida kbira fuq il-ħajja marina tax-xmara.
LOVE u Tignè Point - Il-Pont des Arts f’Malta?
Ma jistax jonqos li din it-tradizzjoni ma tasalx ukoll fi gżiritna – b’bosta, l-iżjed turisti u studenti li jkunu qed iżuru gżiritna, ma jkunux jistgħu jirreżistu li jissiġillaw l-imħabba tagħhom hawn ukoll. L-ekwivalent għal Pont des Arts u Ponte Vecchio jidher li huma l-LOVE fil-Bajja ta’ Spinola f’San Ġiljan, u l-pont f’ Tignè Point, li bir-raġun, ix-xena pittoreska ta’ quddiemhom, speċjalment f’xi serata sajfija tipikament Mediterranja tqajjem fihom sens ta’ imħabba u ta’ xewqa li aktar milli l-imħabba tagħhom tkun dejjiema, forsi anke l-mument li jkunu qed jgħixu dak il-ħin ikun. Dan hekk kif fuq bosta siti tal-ivjaġġar dawn qed jiġu magħżula bħala l-aktar punti romantiċi f’Malta.
Minkejja li xi wħud isostnu li huma kontrihom, dawn il-postijiet qed jiksbu popolarità kbira mat-turisti li jagħżlu wkoll li jirriklamawhom, anke bla ma jafu, permezz ta’ ritratti li jaqsmu ma’ sħabhom fuq il-media soċjali.