50 siegħa ta' xemx aktar minn norma matul Mejju
Mejju f’Malta kien iktar sħun, b’iktar xita u iktar isbaħ mill-medja
More in Socjali
Mejju f’Malta kien iktar sħun, b’iktar xita u iktar isbaħ mill-medja
Mejju f’Malta kien inqas imsaħħab, inqas umdu iżda b’iktar xita, sħana u isbaħ minn dak li normalment ikun mistenni f’dan il-perjodu.
B’kollox ix-xahar li għadda Malta rat 350.3 sigħat ta’ xemx, li kienu konsiderevolment ogħla minn norma ta’ 299.1 sigħa. Il-gżira kellha norma ta’ 11.3 sigħa ta’ xemx kuljum. L-iktar ġurnata sabiħa (13 tax-xahar) rat 13.3 sigħa ta’ xemx waqt li l-iktar ġurnata mudlama (21 tax-xahar) rat 3.1 sigħat ta’ xemx.
Ix-xahar li għadda f’Malta niżlet aktar xita mis-soltu meta nġabar total 21.2mm ta’ xita. Dan kien konsiderevolment aktar minn norma ta’ 30 sena ta’ 8.5mm wara li għamlet ix-xita għal jumejn konsekuttivi (17 u 18 tax-xahar). L-ogħla rata ta’ preċipitazzjoni kienet fis-17 tax-xahar b’rata ta’ 13.5mm fis-siegħa.
Is-sajjeti nstemgħu fi tlett ijiem differenti (9, 10, 17 tax-xahar) li hi aktar minn norma ta’ ġurnata. Iċ-ċpar kien rappurtat biss nhar l-20 tax-xahar.
It-temperatura medja tal-baħar kienet ogħla minn norma u laħqet il-quċċata ta’ 19.2°Ċ meta n-nomra għal dan il-perjodu normalment tkun ta’ madwar 18.0°Ċ. L-ogħla temperatura reġistrata laħqet l-20.9°Ċ waqt li l-inqas kienet ta’ 17.0°Ċ.
Mejju kien inqas imsaħħab u inqas umdu. Il-livell ta’ umdità relattiva kien ta’ 67 fil-mija, li kien ftit inqas minn norma ta’ 73 fil-mija. Sadanittant, il-kopertura medja tas-sħab kienet ta’ 2.9 oktas, għal darb’oħra inqas minn norma ta’ 3.1 oktas.
Il-veloċità tar-riħ kienet tipika għal Mejju, hekk kif ir-riħ nefaħ b’veloċità medja ta’ 8.64 mil nawtiku, bl-aktar direzzjoni frekwenti tkun it-tramuntana. L-ikbar saħħa ta’ riħ reġistrata waslet nhar it-22 tax-xahar mid-direzzjoni tal-majjistral għall-punent b’saħħa ta’ 37 mil nawtiku.
B’kollox 24 minn 31 ġurnata f’Mejju kienu aktar sħan minn dak li normalment ikun esperjenzat f’dan ix-xahar. Kien hemm tlett ijiem (3, 6 u 7 tax-xahar) fejn intlaħqet temperatura massima ta’ 5°Ċ aktar minn norma.
It-temperatura medja tal-arja għax-xahar li għadda issuperat in-norma tal-klima ta’ 19.8°Ċ b’ 0.9°Ċ, biex laħqet 20.7°Ċ. L-ogħla temperatura reġistrata f’Mejju laħqet 29.7°Ċ nhar is-6 tax-xahar. Sadanittant, l-iktar temperatura baxxa kienet ta’ 13.2°Ċ li kienet reġistrata fit-30 tax-xahar. L-iktar temperatura baxxa fuq il-livell tal-art kienet ta’ 7.8°C li kienet reġistrat fl-ewwel jum tax-xahar.
L-ogħla temperatura li qatt kienet reġistrata matul Mejju kien fl-2006 meta t-termometri telgħu għal 35.3°Ċ fit-23 tax-xahar.
Sadanittant l-iktar lejl kiesaħ f’Mejju kien reġistrat fl-1970, b’temperatura li niżlet għal 8.0°Ċ. L-iktar riħ b’saħħtu matul dan ix-xahar li kien reġistrat sa mill-1947 kien ta’ 53 mil nawtiku fl-1951 u fl-1954.