Iċċaħħad minnu nnifsu biex jgħin lil ħaddieħor
Dylan Muscat jirbaħ il-Premju Ġwanni XXIII għat-tjubija
More in Socjali
Dylan Muscat jirbaħ il-Premju Ġwanni XXIII għat-tjubija
Dylan Muscat ta’ 13-il sena minn Wied il-Għajn, huwa r-rebbieħ tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-tjubija 2015 organizzat mill-Laboratorju tal-Paċi.
Dylan Muscat li huwa student tal-Form 2 fl-iskola St.Thomas Moore BSS Ħamrun, ta’ kuljum jieħu ħsieb Kyle Agius ta’ 14 –il sena li għandu sfidi ta’ komunikazzjoni.
Waqt iċ-ċerimonja fil-Palazz il-Belt Valletta, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca li ppreżentat il-premju lil Dylan Muscat, qalet li dan il-premju huwa dak ta’ mħabba, fejn Dylan bl-aktar mod eżemplari ċċaħħad minnu nnifsu u ddedika b’imħabba ħinu u l-isforzi kollha tiegħu biex jgħin lil ħaddieħor.
“L-għemil ta’ Dylan Muscat jgħallimna kif għandna nġibu ruħna ma’ xulxin. Jien inqis lil Dylan bħala mudell mhux biss għall-klassi, iżda għalina lkoll. Dylan huwa apprezzat minn kulħadd għall-valuri kbar tiegħu li huma riflessjoni tat-trobbija tal-ġenituri tiegħu. Dan kollu qed jagħmlu għax għandu qalbu mimlija mħabba, u jagħżel il-pożittiv minn dak li hu negattiv. Dylan kien kapaċi jagħżel is-sewwa, iżda għaraf il-valuri tal-imħabba. X’hemm isbaħ milli tkun taf tħobb u minn trobbija tajba?”
Il-President irringrazzjat lil Patri Dijonisju Mintoff li, għal dawn l-aħħar wieħed u erbgħin sena, ħa l-inizjattiva biex jiġi ppremjat it-tjubija fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Faħħret lil-Laboratorju tal-Paċi li baqa’ jissielet biex jagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ individwi u komunitajiet tagħna.
Dylan ilu jaf lil Kyle minn mindu dan tal-aħħar kien fis-sitt sena tal-iskola primarja. Dylan kien jagħmel ħiltu biex Kyle ma jinqatax għalih waħdu u jintegra ma’ tfal oħra. Dylan kien ikun miegħu fil-brejk, u jgħinu anke fl-istudji tiegħu.
Wara s-sitt sena tal-iskola primarja, Dylan gie aċċettat biex jattendi skola tal-Knisja. Malli ntebaħ li kien se jinfired minn ma' Kyle, saħaq mal-genituri tieghu li ma riedx imur fl-iskola l-ġdida iżda ried jibqa' tiela’ fl-iskola statali tal-kulleġġ St Thomas More fejn Kyle kien se jkompli l-istudji tiegħu. Dylan għażel li jiċċaħħad minn skola ġdida u opportunità biex jibqa’ ma’ Kyle u jgħinu kemm jista’ fl-istudji u fil-ħajja soċjali tiegħu.