Mistennija jitkeċċew 25,000 impjegat tal-HSBC minn madwar id-dinja

Il-bank ser jiffoka l-investiment tiegħu fl-Ażja

Il-bank dinji HSBC mistenni jkeċċi madwar 25,000 impjegat madwar id-dinja kollha, hekk kif il-bank ħa jerġa' jiffoka n-negozju tiegħu fl-Ażja. Dan, skont il-bank, ser isir sal-aħħar tal-2017. 

Il-bank iħaddem madwar 266,000 ħaddiema madwar id-dinja kollha, b'47,500 minnhom ikunu fir-Renju Unit biss. Fil-2011 il-bank kien diġà naqqas l-impjegati tiegħu b'30,000.

Il-bank ħa daqqa ta' ħarta meta kien akkużat bi frodi fiskali, u mistenni jipprova jnaqqas in-nefqa tiegħu b'$5 biljun. Mistenni wkoll jieqaf jopera fil-Brazil u fit-Turkija.

Dan ifisser li ħa jkun hemm tnaqqis ta' 10% fl-impjegati, fejn ħa jsir sforz kbir biex il-klijenti jużaw servizzi diġitali - bħal e-banking.

Il-bank ser iżid l-investiment tiegħu fl-Ażja, b'mod partikolari fiċ-Ċina. Skont kelliem għal dan il-bank, dan ir-reġjun ħa jkun "iċ-ċentru tal-kummerċ dinji fid-deċenju li ġej."

 

More in Socjali