Aktar kritika min-naħa ta' Barack Obama lejn il-President tar-Russja Vladimir Putin, u lejn l-azzjonijiet tiegħu fl-Ukraina. Obama qed jakkuża lill-President Russu li qiegħed jhedded l-ekonomija Russa bit-tama li jerġa' jqajjem l-Unjoni Sovjetika.
Waqt is-summit tal-G7 fil-Ġermanja, Obama tkellem u qal kif l-Istati Uniti beħsiebhom iżidu s-sanzjonijiet fuq ir-Russja jekk Putin ma jwaqqafx l-azzjonijiet tiegħu. Obama kkundanna aktar minn qatt qabel il-politiki li qed jimxi bihom Putin.
"Irid jieħu deċiżjoni," qal Obama. "Ħa jkompli jkisser l-ekonomija tal-pajjiż u jkompli jiżola lir-Russja biex jipprova jerġa' joħloq iż-żmijnijiet glorjużi tal-unjoni Sovjetika, jew ħa jagħraf li l-kobor tar-Russja ma tiddependix fuq il-ksur tal-integrità territorjali u s-sovranità ta' pajjiżi oħra?"
Il-mexxejja l-oħra preżenti għall-istess summit wkoll esprimew tħassib dwar kemm żdied il-ġlied fl-Ukraina tal-Lvant, fejn is-separatisti, bl-appoġġ tar-Russja jinstabu f'taqbida mat-truppi ta' Kiev - ħaġa li tikser il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied li kien hemm qbil fuqu f'April li għadda.
Dan huwa t-tieni summit tal-grupp li fih qed tiġi eskluża r-Russja, minħabba li Putin ġie eskluż minn dak li qabel kien il-G8 - wara l-intervent tagħha fil-Krimea s-sena l-oħra - mossa li l-G7 kkundanna bħala "illegali."