Donazzjoni ta' kotba mill-President Emeritu lill-Parlament

Parti mill-kollezzjoni kienet ta' Carmelo Mifsud Bonnici u parti ta' Ugo Mifsud Bonnici

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, akkumpanjat mill-Whips taż-żewġ naħat tal-Kamra Godfrey Farrugia u David Agius, laqa’ mingħand il-President Emeritu Dr Ugo Mifsud Bonnici donazzjoni ta’ kollezzjoni ta’ rivisti. Dawn jinkludu 32 ħarġa tar-rivista “Journal of the Parliaments of The Empire”, 6 ħarġiet tal-“Journal of the Parliaments of The Commonwealth”, 2 ħarġiet ta’ “Parliamentary Affairs”, 15-il numru ta’ “Report on World Affairs”, 4 ħarġiet tal-“Aussen Politik” u ħarġa ta’ “UN Monthly Chronicle” għal-librerija tal-Parlament.

Parti minn din il-kollezzjoni kienet tappartjeni lill-Prof. Carmelo Mifsud Bonnici (li kien Deputat mill-1923 sal-1933) u parti tal-President Emeritu nnifsu (li serva bħala Deputat mill-1966 sal-1994).

L-Ispeaker irringrazzja lill-President Emeritu Mifsud Bonnici li għoġbu jirregala dawn ir-rivisti, li jmorru lura saħansitra sal-1925, lill-Parlament ta’ Malta. Hawn irrifera għal “Journal of the Parliaments of the Empire” fost l-oħrajn, li apparti li jixhed il-kobor tal-Imperu mill-istess titlu tiegħu, jixhed ukoll il-ħidma tal-parlamenti. Irrifera wkoll għall-“Legislative Assembly” li fih issib b’mod imqassar rapport tal-ħidma u djalogi  ta’ membri parlamentari Maltin, li xogħolhom wasal mal-erbat irjieħ ta’ dak li kien l-Imperu Ingliż.

Il-President Emeritu Dr Ugo Mifsud Bonnici kien akkumpanjat minn martu Gemma Mifsud Bonnici u minn ibnu, Carmelo Mifsud Bonnici, Deputat mill-1998, kif ukoll mill-Assistenta Personali tiegħu Fiona Vella.

L-Ispeaker kien akkumpanjat mill-Iskrivan tal-Kamra Ray Scicluna u l-Assistent Personali tiegħu Ancel Farrugia Migneco.

More in Socjali