Il-Valletta Alive Foundation (VAF) qed turi oġġezzjoni b'saħħitha għall-pjan lokali ta' politika li jdawwar lil Strada Stretta u l-Biċċerija f'destinazzjoni ta' 24 siegħa. Il-fondazzjoni qalet li dan mhux aċċettabbli minħabba l-konsegwenzi serji li din ħa jkollha mhux biss fuq ir-residenti ta' dik iż-żona, imma fuq ir-residenti tal-Belt Valletta in ġenerali.
Il-Fondazzjoni spjegat kif għal dawn l-aħħar ħames snin kien hemm żieda kontinwa fl-attività filgħaxija fil-Belt - grazzi għal sforz li sar mill-Kunsill Lokali tal-Belt, mill-gvern u mis-settur privat, fejn infetħu bosta stabbilimenti tad-divertiment li jipprovdu wkoll mużika tajba. Il-fondazzjoni saħqet li l-attività fil-Belt filgħaxija hija milqugħa.
Iżda min-naħa l-oħra l-VAF tinstab imħasba dwar il-fatt li l-awtoritajiet mhux jagħtu biżżejjed attenzjoni għall-impatt li din qed ikollha fuq ir-residenti, b'mod partikolari issa li riesaq is-sajf. Hemm tħassib dwar il-parking, fejn sar aktar diffiċli għar-residenti li jipparkjaw.
Kwistjoni oħra ta' tħassib hija l-mużika għolja li filwaqt li muzika li tixraq il-wirt storiku u l-ambjent tal-Belt hija aċċettabbli, il-VAF qalet li "m'hemmx lok għal mużika tal-clubs tgħajjat għax din toħloq inkonvenjenza kemm għar-residenti kif ukoll mhix adattata għall-ambjent."
Il-VAF ħeġġet biex meta "jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-Belt Valletta, trid issir konsiderazzjoni bil-għaqal dwar l-impatt li ħa jkollha fuq ir-residenti. L-awtoritajiet għandhom jaraw li jagħmlu lill-Belt Valletta aktar faċli biex tgħix fiha, kif ukoll iħeġġu lill-oħrajn imorru jgħixu l-Belt, u jnaqqsu l-probabilità li r-residenti jitilqgħu minnha. Il-bżonnijiet u x-xewqat tar-residenti għandhom jingħataw prijorità għax ir-riġenerazzjoni taf tiġi mxekkla jekk ir-residenti jiddeċiedu li jitilqu mill-Belt."
Intant, għandek xi ritratti tal-Belt kapitali? Ibgħathom fil-ġabra ta' ritratti li qed jibagħtu l-qarrejja tagħna u pparteċipa fl-MT Observer.