Volontarjat mill-ħaddiema tal-Wasteserv fil-Foss ta' Ħaż-Żabbar

Il-Ministru Leo Brincat jgħid li dan ħa jagħti wiċċ ġdid lil dan il-post

"Il-preżenza ta’ daqstant nies, speċjalment ħaddiema tal-WasteServ li lkoll middew idejhom b’mod volontarju biex jippruvaw jagħtu wiċċ ġdid lil dan il-Foss, jibagħtu sinjal li dawn mhux biss huma voluntiera impenjati bis-sħiħ iżda wkoll nies li qed imexxu bl-eżempju. Dan il-Foss spiss ikun suġġett għall-vandaliżmu minkejja l-isforzi ta’ entitajiet governattivi li spiss jagħmlu minn kollox biex inaddfuh.”

Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta dalgħodu indirizza lill-għadd ġmielu ta’ ħaddiema tal-WasteServ, li kienu akkumpanjati minn membri tad-Direttorat tal-Parks, mill-espert fl-afforestazzjoni l-Professur Louis F. Cassar, kif ukoll minn uffiċjali tal-Bank APS li kienu preżenti għall-Clean-Up massiva tal-Foss ta’ Ħaż-Żabbar.
 
Din il-clean-up ser tkun mifruxa fuq jumejn grazzi għall-impenn ta’ żewġ gruppi ta’ ħaddiema mill-WasteServ.
 
Il-Ministru Brincat saħaq li din hija attività fuq skala kbira oriġinata mill-WasteServ li turi sens qawwi ta’ responsabbiltà soċjali u korporattiva fuq medda ta’ art li għandha b’kollox madwar 40 tomna. Għall-attività sar ħafna xogħol ta’ tħejjija wkoll mill-PARKS billi nżabru għadd ta’ siġar fl-akwati.
 
Huwa qal li kienet inizjattiva tal-WasteServ stess li biex jingħata eżempju ħaj tal-ħtieġa tas-separazzjoni tal-iskart, dak li huwa skart mill-kostruzzjoni ser jitqiegħed fil-barrieri ġewwa Ta’ Żuta u Lapsi. Skart ieħor ser jiġi mqiegħed kif suppost fis-CA Sites skont il-prattiċi stabbiliti.
 
Il-Ministru Brincat radd ħajr partikolari lill-Bank APS li offra s-somma sabiħa ta’ €70,000 għaż-żamma ta’ dan il-post mitluq. Huwa kompla jgħid li filwaqt li huwa tajjeb li nitfgħu ħarsitna lejn żoni ġodda għar-rikreazzjoni huwa daqstant ieħor importanti li jiġu ri-abilitati żoni bħal dawn li jinsabu fi stat mitluq madwar is-swar.
 
Huwa rringrazzja wkoll lill-Professur Cassar, espert fl-afforestazzjoni, li kien lest li fil-jiem li ġejjin iressaq għadd ta’ suġġerimenti għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern dwar kif jista’ jiġi riġenerat il-foss.
 
Il-Ministru Leo Brincat temm billi radd ħajr lill-WasteServ għall-mod kif ġiet organizzata l-loġistika ta’ din l-attività tant li l-ħaddiema nqasmu fi gruppi b’leader għal kull grupp.
 
Għal din l-attività attenda wkoll is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, is-Sur Marc Vella Bonnici.

More in Socjali