Kwantità kbira ta' żejt fil-Bajja s-Sabiħa

Tingħalaq temporanjament biex tkun tista' titnaddaf

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jixtieq jinforma lill-pubbliku li l-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa tinsab magħluqa temporanjament kawża ta’ kwantità kbira ta’ żejt fil-baħar u fuq ir-ramel.

Hekk kif id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġie informat minn Transport Malta, ittieħdet l-azzjoni neċessarja biex is-sitwazzjoni tiġi taħt kontroll u dan biex iż-żejt ma jkomplix tiela’ fuq ir-ramel.

Il-każ beda l-bieraħ waranofsinhar u bl-intervent tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fejn deher li s-sitwazzjoni ġiet solvuta, iżda illum ġie rrapurtat li aktar żejt reġa’ daħal fl-istess bajja. Sfortunatament roqgħa kbira ta’ ramel laħqet ġiet ikkontaminata minn dan iż-żejt.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili reġgħu marru fuq il-post u bdew bil-ħidma tagħhom biex iż-żejt ma jkomplix jidħol lejn ix-xatt u jitnaddaf ir-ramel u eventwalment titneħħa din il-kontaminazzjoni.

Għalkemm iż-żejt ġie kkontrollat permezz ta’ makkinarju bħal absorbents u booms, l-operazzjoni għadha għaddejja u għaldaqsant il-pubbliku huwa avżat biex jevita’ l-inħawi.

Il-Pulizija ġiet infurmata u qed jinvestigaw biex ikun stabbilit minn fejn oriġina dan iż-żejt.

More in Socjali