
Sussidju għall-persuni b'diżabilità kollha li jużaw it-trasport pubbliku
Is-sussidju estiż għall-persuni b’diżabilità kollha li għandhom il-Karta tal-Identità Speċjali

More in Socjali
Is-sussidju estiż għall-persuni b’diżabilità kollha li għandhom il-Karta tal-Identità Speċjali
Fejn qabel kienu jibbenefikaw minn sussidju dawk biss li għandhom blue badge, illum jibbenefikaw il-persuni b’diżabilità kollha, jiġifieri dawk li għandhom il-karta tal-Identità Speċjali (Karta s-Safra). Dan ifisser li fejn qabel setgħu jibbenefikaw 7,700 persuna, illum jistgħu jibbenefikaw 14,000 persuna.
Dan ġie mħabbar illum mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li l-għan tal-Gvern huwa li naslu biex ikollna servizz effiċjenti tat-trasport pubbliku li jaqdi sew il-bżonnijiet tan-nies, billi fost oħrajn jiżdied il-kilometraġġ biex ikopri aktar rotot, filwaqt li jitqies il-fatt li dan huwa servizz importanti ħafna għall-pajjiżna u li għandu dimensjoni soċjali.
Huwa qal li f’kull opportunità ta’ diskussjoni li kien hemm fix-xhur li għaddew bejn il-Gvern u l-operatur tat-trasport pubbliku, il-Gvern dejjem insista li t-trasport pubbliku huwa servizz soċjali u kemm huwa importanti li jintlaħaq bilanċ bejn l-aspett ekonomiku u dak soċjali biex ma tkunx ripetuta l-istorja negattiva tal-Arriva.
Il-Ministru esprima wkoll is-sodisfazzjon tiegħu li s-sistema tal-cards qed tindara mill-pubbliku, u li llum qed jifhem ukoll il-vantaġġi li din fiha, kemm għat-tfal, kemm għall-anzjani u anke f’dan il-każ, għall-persuni b’diżabilità.
Qal li dan seħħ b’riżultat ta’ diskussjonijiet serji ma’ kull min juża s-servizz, kemm mal-Kunsilli Lokali, li jirrappreżentaw lill-pubbliku kif ukoll ma’ għaqdiet differenti li jirrappreżentaw lil setturi differenti tas-soċjetà.
Il-Ministru rringrazzja lid-diriġenti tal-kumpanija li fehmu x’inhuma l-bżonnijiet tal-Maltin, speċjalment ta’ persuni b’diżabilità, kif ukoll liċ-Ċermen ta’ Trasport Malta James Piscopo, li permezz tan-negozjati li saru, illum qed naraw qabża kbira lejn il-mod ta kif il-Gvern u l-entitajiet qegħdin jitrattaw lil dawn il-persuni.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet li din il-miżura kienet ilha tiġi mitluba minn persuni b’diżabilità u NGOs differenti minn meta t-trasport pubbliku ġie pprivatizzat, iżda kellu jkun dan il-Gvern permezz tas-Segretarjat Parlamentari mmexxi minnha li ħa bis-serjetà t-talba ta’ eluf ta’ persuni b’Diżabilità li jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku kuljum. B’hekk ġab flimkien il-partijiet kollha biex jiddiskutu l-kwistjoni u eventwalment wasal għall-ftehim mal-operatur tat-trasport pubbliku.