“Skużani jekk tista’ rrepetili waħda x’jismek”

Cleavage, Farag, Aula, Rodent, Jack Daniels, Ourlittle Princess – huma biss ftit mill-prodotti tal-imħuħ kreattivi ta’ ġenituri li jridu li isem uliedhom differenti 

Cleavage, Farag, Aula, Rodent, Jack Daniels, Ourlittle Princess – huma biss ftit mill-prodotti tal-imħuħ kreattivi u avangardisti ta’ ġenituri li jridu li isem binhom jew binthom żgur ma jkunx l-istess bħal ta’ xi ħadd ieħor fil-klassi.

 

Illum il-ġurnata, li tagħti dawn l-ismijiet lit-tfal sar wieħed popolari – fenomenu li sar forsi anke jkexkex lill-għalliema hekk kif żdidilhom inkwiet ieħor ma’ dawk li diġà għandhom – kif jippronunċjaw dawn l-ismijiet ġodda, u kif ħa jiftakruhom.

F’Malta l-liġi tippermetti li prattikament il-ġenituri jsemmu lil uliedhom dak li jridu, fejn il-liġi tippermetti wkoll li min iħoss li għal xi raġuni jew oħra jrid ibiddel ismu, jista’ jieħu azzjoni quddiem il-liġi, li tinkludi wkoll li l-persuna tbiddel isimha għal dak l-isem li ta’ spiss jirreferu għalih jew għaliha. Fuq kollox, mal-approvazzjoni ta’ dawn il-bidliet, il-persuna tkun tista’ tbiddel ukoll isimha fuq dokumenti legali bħalma huma ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ – u b’hekk donnha tħassar darba għal dejjem il-memorja tal-isem li tħoss li m’għandhiex ikollha, u li forsi wkoll kienet vittma ta’ bullying ħabba fih.

Kien dan fil-fatt il-punt li qajjem l-awtur Malti Trevor Zahra fuq il-profil tiegħu fuq Facebook. Meta tkellimna ma’ Zahra, dan qalilna li ddeċieda li jgħaddi dan il-kumment “dwar l-ismijiet li ċerti ġenituri qed jagħtu lil uliedhom, għax inħoss li dan huwa abbuż fuq it-tfal. Bl-isem redikolu li l-ġenturi tagħhom ikunu sallbuhom bih, it-tfal jistgħu jkunu esposti għal ibbuljar u sens ta’ mistħija.  Jeżistu pajjiżi li fihom isir kontroll fuq l-ismijiet li jagħżlu l-ġenituri. Hemm pajjiżi fejn l-istat joħroġ lista uffiċjali ta’ ismijiet aċċettabbli, waqt li hemm oħrajn li jitolbu lill-ġenituri jissottomettu l-isem magħżul u wara jinħarġilhom permess.  Iżda jiena nħoss li f’pajjiżna, qabel xejn, jeħtieġ isir studju serju biex nippruvaw nidentifikaw mnejn ġejja l-problema u kif l-aħjar niffaċċjawha.  Jidhirli li għandhom jiġu kkonsultati l-entitajiet kollha li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, fuq quddiem nett il-Kummissarjat tat-Tfal. Jiena jinteressanti l-aktar mhux x’sistema nistgħu nadottaw (dak inħallih f’idejn l-awtoritajiet kompetenti), imma li niddeċiedu li ma nħallux aktar tfal jiġu esposti għar-redikolaġni.”

Zahra fil-fatt kien qed jirreferi għal-liġijiet li hemm fis-seħħ f’pajjiżi bħad-Danimarka, fejn fiha tingħata lista ta’ 7,000 isem li wieħed jista’ jagħżel għal uliedu. Jekk l-isem li tixtieq mhux parti minnha, mela l-ewwel irid jgħaddi minn taħt idejn l-uffiċjali tal-gvern.  L-istess tip ta’ liġi qiegħda fis-seħħ fl-Ungerija, fl-Iżlanda u fil-Portugall.

Fil-Ġermanja l-ismijiet iridu jgħaddu minn taħt l-uffiċċju tar-reġistrazzjoni lokali, fejn jaraw li l-isem jindika s-sess tat-tarbija, kif ukoll li ma jkunx xi isem ta’ xi prodott jew inkella kunjom. Fuq kollox jaraw li t-tarbija ma tkunx tista’ ssofri minħabba dan l-isem li ngħatat. Ovvjament, din mhux l-aktar liġi perfetta – hekk kif l-ismijiet u l-konnotazzjonijiet jinbidlu maż-żmien. Staqsi lil Isis – li sa ftit snin ilu kienet alla Eġizzjana, u issa spiċċat grupp terroristiku li ma jgħaddix jum li ma nisimgħux bih fuq l-aħbarijiet.

More in Socjali