Manoel – it-Teatru Manoel

It-teatru nazzjonali ta’ Malta

It-Teatru Manoel
It-Teatru Manoel

Nafuh u nirreferu għalih permezz ta’ ismu biss – minkejja l-prestiġju u l-importanza li dan kellu tul l-istorja ta’ Malta – Manoel, anzi biex inkunu aktar formali, it-Teatru Manoel. Dan huwa tista’ tgħid it-teatru nazzjonali ta’ Malta, u dar l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Ismu ħadu minn Fra Antonio Manoel de Vilhena – Gran Mastru tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, propju għaliex kien hu li ordna l-bini tiegħu fl-1731.

It-teatru mhux biss għandu importanza fuq livell nazzjonali, imma għandu wkoll ċertu preġju fuq livell Ewropew – hekk kif dan hu it-tielet l-eqdem teatru li għadu jitħaddem fl-Ewropa – saħansitra eqdem minn San Carlo f’Napli, kif ukoll huwa l-eqdem teatru li għadu jintuża fost il-pajjiżi tal-Commonwealth.

It-teatru kien magħruf bħala t-Teatro Pubblico oriġinarjament, fejn imbagħad tbiddillu ismu għal Teatro Reale fl-1812. L-isem Teatru Manoel ħadu fl-1866 – teatru żgħir ta’ 623 siġġu, b’awditorju f’forma ovali. Hemm ukoll tliet filati ta’ boxes magħmula mill-injam, ddekorati b’werqa tad-deheb, kif ukoll saqaf ċilest ċar ta’ trompe-l’oeil, li jagħti l-impressjoni ta’ koppla rotunda.

Għar-rikreazzjoni tal-poplu

Oriġinarjament, meta fl-1731 ġie kkummissjonat dan it-teatru, dan kellu jkun post ta’ divertiment għall-poplu. It-teatru, li jingħad li ħa l-inspirazzjoni mit-teatru kontemporanju ta’ Palermo, ħa biss 10 xhur biex jitlesta. L-ewwel xogħol li ttella’ fih kien it-traġedja Merope ta’ Scipione Maffei, f’Jannar tal-1732. Dak iż-żmien, l-atturi kienu l-Kavallieri stess, bid-diżinnatur tas-sett ikun l-perit tal-Kavallieri, Francois Mondion.

Xita ta’ muniti tad-deheb

Dan it-teatru ra xi wħud mill-aqwa drammi jittellgħu fih – fejn kien hemm ukoll xi wħud li ttellgħu biex jagħtu ġieħ lil Gran Mastru jew ieħor. Eżempju ta’ dan kien f’Jannar tal-1769 fejn ittellgħet “Il Trionfo di Minerva” fl-okkażjoni ta’ għeluq snin il-Gran Mastru Manuel Pinto de Fonseca. Okkażjoni oħra li tibqa’ mfakkra hija meta Ferdinand von Hompesch zu Bolheim sar Gran Mastru, fejn l-istess Hompesch deher f’gallarija jirringrazzja lill-udjenza – billi jitfa’ muniti tad-deheb ’l isfel, ħdejn dawk li ġabru sabiex iċapċpu. Fl-istess ħamsin sena ttellgħu xogħlijiet minn Johann Adolf Hasse, Niccolò Piccinni u Baldassare Galuppi li kellhom popolarità kbira fid-dinja tat-teatru ta’ dik l-era.

It-teatru kellu dak li kien magħruf bħala l-Protettore – jiġifieri dak inkarigat mill-ġestjoni tat-teatru, kif ukoll miċ-ċensura tal-prestazzjonijiet. Il-protettora kien ikun kavallier. KIen hemm ukoll l-impresario, dak li kien inkarigat mit-transazzjonijiet finanzjarji tat-teatru. L-ewwel wieħed kien Melchiorre Prevvost Lanarelli fl-1736, bl-ewwel mara tkun Natala Farrugia fl-1768.

Fl-1783 imbagħad, it-teatru għadda minn bosta tibdiliet, sabiex isegwi d-diżinn ta’ Natale Marini, perit Ruman. Xogħol Marini tant intogħġob li tħallas iżjed mill-Kummissarji għall-Fondazzjoni tat-Teatru.

Aktar tard fl-istorja ta’ Malta naraw il-ħakma tal-Ingliżi, fejn ċertu Ingliż li kien żar il-gżira fl-1801 kiteb li “La Valette għandha opera, żgħira, iżda pulita, u li għandha bżonn xi tiswijiet.” Kiteb ukoll li l-artisti li jinbagħtu minn l-Italja u Sqallija huma minn fost it-tajbin, u li l-post jipprovdi divertiment lill-pubbliku. Jgħid li jkun hemm folla kbira kull filgħaxija mill-uffiċjali tal-espedizzjoni li kien ġie magħha hu stess, u li l-entratura dak iż-żmien kienet tiswa xelin.

It-Teatro Reale

It-teatru ħa l-isem ta’ Teatro Reale wara serje ta’ bidliet u bini mill-ġdid li sarulu fis-seklu 19. L-aktar waħda notevoli kienet fl-1812, meta Sir George Whitmore fost it-tibdiliet kien hemm iż-żieda tal-proscenium, u ż-żieda ta’ 8 boxes oħra – li ġab t-total għal 67. Biddel ukoll l-awditorju f’forma ovali – kif għadna nistgħu narawh illum il-ġurnata. Iżda it-tibdiliet ma waqfux hawn, hekk kif reġa’ għadda minn aktar tibdiliet fl-1844 u fl-1906.

Dan iż-żmien it-teatru kien jinkera lill-bosta impreżarji professjonali – li kienu jospitaw staġuni tal-opera ta’ 9 xhur. Barra minn hekk, żaruh bosta dinjitarji barranin, fosthom Sir Walter Scott, u l-Majestà Tagħha r-Reġina Adelaide, kif ukoll ir-Reġina Dowager, l-armla tar-Re William IV. Din żaret it-teatru biex tara Elisir d’Amore u Demma di Vergy, waqt iż-żjara tagħha f’Malta. L-aktar produzzjonijiet popolari fis-seklu 19 mal-Maltin kienu l-opri ta’ Rossini, Bellini, Donizetti u Verdi.

Dar għall-foqra, u fejn instema’ l-Innu Malti għall-ewwel darba

Iżda t-Teatro Reale ma baqax wisq reale mal-bini tat-Teatru tal-Opera Rjali – dak li llum hemm il-famuż teatru bla saqaf minfloku fl-eks Strada Rjali, viċin l-entratura tal-Belt. Kien hawn li t-Teatro Reale spiċċa dar għal dawk li kienu spiċċaw bla saqaf fuq rashom, kif ukoll għall-foqra li kienu jikru xi wħud mill-istalls għal ammont żgħir ta’ flus.

Fl-1873 it-teatru reġa’ nbidillu ismu, u sar uffiċjalment it-Teatru Manoel, li reġa’ ħa l-ħajja meta t-Teatru Rjal l-ġdid kien ħa n-nar. Meta dan tal-aħħar reġa’ nbena, fejn il-Manoel reġa’ qabad it-triq tan-niżla.

Il-Manoel kien ukoll l-ewwel post fejn instema’ l-Innu Nazzjonali Malti għall-ewwel darba, kif ukoll serva ta’ akkomodazzjoni ta’ emerġenza fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija għall-dawk il-vittmi li kienu taħt bumbardjament kontinwu. Fil-bidu tas-seklu 20 beda jintuża wkoll għall-ballijiet tal-karnival, u għal madwar għoxrin sena serva wkoll bħala sala taċ-ċinema.

Il-Manoel ġie esproprjat mill-Gven ta’ Malta fl-1956 meta twaqqa’ it-Teatru Rjali fit-Tieni Gwerra Dinjija, fejn reġa’ nfetaħ f’Settembru tal-1960. Ma jistax jonqos li sarulu xi tibdiliet, li jinkludu t-tkabbir tal-bini stess. Aktar riċentament sarulu wkoll xi xogħlijiet ta’ ristrutturar, b’xi wħud jaqilgħu xi ftit ta’ kontroversja fosthom l-applikazzjoni sabiex tiġi restawrata l-faċċata tal-istess teatru.

Illum il-ġurnata

Illum il-ġurnata t-Teatru Manoel jospita numru ta’ produzzjonijiet teatrali minn kull qasam, kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, li jvarjaw minn opri, musicals, serati tal-poeżija, u forsi l-aktar magħrufa hija l-pantomima tal-Milied li għaliha l-Maltin imorru bi ħġarhom. It-teatru jservi bħala post għal bosta produzzjonijiet, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, li permezz tagħhom tiżdid l-apprezzament għall-arti teatrali f’pajjiżna – wara bosta snin forsi meqjusa bħala staġnati artistikament. Mat-Teatru Manoel hemm ukoll ħanut fejn wieħed jista’ jixtri xi tifkira, kif ukoll mużew tat-teatru, li jinstab f’idejn il-Fondazzjoni Patrimonju Malti. 

More in Socjali