Standards ġodda għall-aċċessibilità: kemm taf?

Din il-ġimgħa l-linji gwida għall-aċċessibilità ta’ persuni b’diżabilità saru standard u għalhekk issa jridu jiġu osservati

Jekk int persuna b’diżabilità dawn ifissru li ħajtek se tkun aktar faċli u kull post li żżur aktar aċċessibbli, għalik dawn l-istandards jistgħu jagħtuk nifs ġdid. Imma jekk inti sid ta’ negozju jew lukanda jew anke każin tal-banda, taf xi trid tagħmel biex tkun konformi? 

L-ILLUM tkellem ma’ Oliver Scicluna, ċermen tal-KNPD.

Lukandi u Ristoranti

Scicluna spjega kif it-twettiq tal-istandards se jkun neċessarju f’binjiet relatati ma’ ikel, xorb u akkomodazzjoni biex saħansitra dawn ikunu jistgħu jżommu l-istar rating tagħhom. Fost il-miżuri li jridu jitwettqu hemm il-bdil tar-reception desk biex din ma tkunx għolja wisq, f’każ li klijent ikun qed juża siġġu tar-roti. Apparti minn hekk, lukanda trid tkun ċerta li jkollha lifts, toilets u faċilitajiet oħrajn aċċessibbli. 

Kmamar tal-banju f’kull binja pubblika

Il-KNPD tisħaq li l-kmamar tal-banju f’kull binja pubblika għandhom ikunu b’sink u mera baxxa għal dawk li ma jistgħux joqogħdu bilwieqfa u sett tat-toilet li jkun ta’ ċerti qisien. Jekk mhux hekk allura għandu jsir toilet partikolari apposta li jkun jista’ jintuża minn persuni b’diżabilità. Dan jinkludi l-binjiet kollha, inklużi tal-Gvern, binjiet kummerċjali u saħansitra fil-każini mxerrdin madwar il-pajjiż kollu. 

L-armar tal-festi fit-toroq 

Għal dawk li jħobbu l-festi u l-armar dawn l-istandards ma tantx se jagħmlu differenza għalkemm Scicluna jistqarr li m’hemmx wisq diskussjoni u kooperazzjoni bejn l-NCPD u l-organizzaturi u dilettanti tal-festa. Huwa qal li jixtieq li jinħolqu linji gwida għall-armar għalkemm qal li ma tantx jidher li hemm wisq tama biex isir dan fil-futur qrib.

Bini tal-Gvern

L-eżempju jkaxkar u jekk hemm bini li definittivament jeħtieġ li jkun skont l-istandards huwa dak tal-Gvern. Fil-fatt Scicluna jsemmi l-Evans Building fil-Belt b’mod partikolari u jgħid li dan il-post huwa kompletament nieqes mill-faċilitajiet li hemm bżonn għal persuni b’diżabilità.

Trasport pubbliku

Scicluna jirrikonoxxi li mas-snin it-titjib f’dan is-settur kien wieħed qawwi għalkemm xorta għad hemm xi jsir biex il-postijiet fejn il-passiġġieri jistennew ikunu aċċessibbli, fosthom bankini aktar tajbin u ‘stages’ adegwati. 

X’qalulna dawk li tkellimna magħhom?

President tal-Każin Banda San Nikola

Minkejja li l-perċezzjoni hija li l-każini m’għandhomx idea ta’ aċċessibilità l-ILLUM sar jaf li l-Każin Banda San Nikola għaddej bi proġett li għandu jagħmel il-każin kollu ta’ tliet sulari aċċessibbli. Il-President tal-istess Każin Keith Abela qal li se jkun qed jitwaħħal lift biex b’hekk anke studenti prospettivi tal-mużika jkunu jistgħu jaċċessaw is-swali fejn isir it-tagħlim tal-mużika bil-kumdità.

President MHRA 

Tony Zahra qal li jaqbel li jkun assigurat li f’postijiet u lukandi ġodda l-faċilitajiet kollha jkunu ‘user-friendly’ għal kulħadd, inkluż persuni b’diżabilità. Huwa qal iżda li jeħtieġ li l-affarijiet isiru b’mod raġonevoli u mhux b’riġidità esaġerata. Huwa qal li l-problema mhix il-lukandi l-ġodda, imma dawk antiki, speċjalment jekk ikunu boutique hotels fil-belt jew fil-Kottonera.

More in Socjali