Sex shops f’Malta: Progress jew Rigress?

kif jaħsbuha dwar is-sex shops diversi personalitajiet

Din il-ġimgħa l-Ministru Owen Bonnici ħabbar bidliet fil-liġi li se jwasslu, fost oħrajn, biex ma jibqax ikun hemm ċensura fuq xogħlijiet artistiċi minħabba li se jkun definit b’mod ċar fil-liġi x’inhi produzzjoni jew materjal illi huwa pornografiku. Iżda punt li qajjem ħafna interess, anke fuq il-portal illum.com.mt, kien li b’dawn il-bidliet se jkun permess li jinfetħu ‘porn’ jew ‘sex shops’, bil-kundizzjoni li dawn iwaħħlu avviż ċar illi nies li għaddejjin minn quddiem il-ħanut jistgħu jsibu l-materjal “indiċenti” u li persuni taħt it-18-il sena ma jistgħux jidħlu fl-istess ħanut.

L-ILLUM staqsa numru ta’ nies x’jaħsbu dwar dan. Il-ftuħ ta’ sex shops, li bħalhom naraw ħafna fi bliet Ewropej u lil hinn, huma pass ’il quddiem jew lura? Il-bidliet proposti juru li mmaturajna bħala pajjiż jew li qbadna t-triq tan-niżla?

Qed naħsbu dwar sex shops bla qafas ta’ edukazzjoni sesswali - Fr Rene Camilleri

Fr Rene Camilleri qal illi huwa ma jibżax mill-bidliet u spjega kif wara kollox dak li għamel il-Gvern kien li aġġorna l-qafas legali “li fil-preżent huwa anakronistiku.” Minkejja dan Camilleri qal ukoll illi ma jistax jifhem kif f’dan il-pajjiż “qed niddiskutu l-ftuħ tas-‘sex shops’ meta lanqas għad għandna qafas u infrastruttura ta’ edukazzjoni sesswali.”

Naqbel mal-liġi imma... - Gillian Attard

Gillian Attard, direttriċi tal-mużika u omm spjegat kif hi taqbel mal-bidliet u tħoss illi l-bidliet ifissru li l-Gvern qed jitratta l-adulti ta’ adulti. “Dan ifisser li għalija mhux se tagħmel xi differenza imma naħseb ukoll li minħabba t-tfal il-ħanut irid ikun diskret, mhux bi stampi jew materjal pornografiku fit-tieqa.”

Ħanut iktar sigur mill-internet - Alex Saliba

L-Avukat Alex Saliba li wera l-qbil “mija fil-mija” mal-bidliet li qed ikunu proposti “la darba l-Gvern ta s-salvagwardji kollha għall-protezzjoni tat-tfal.”

Kulħadd liberu jgħix ħajtu kif jixtieq - John Bundy

Il-preżentatur u missier, John Bundy qal hekk “Jien nemmen li kulħadd għandu jkun liberu u jieħu d-deċiżjonijiet ta' ħajtu kif jixtieq. Jien nemmen li kullħadd għandu jagħżel fejn imur, ma' min imur u għand min imur.”

L-artiklu sħiħ jinsab fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Socjali