Għall-isfreġi ambjentali f'Birzebbugia skiet li jtarrax

Is-Sindku Laburista Kevin Barun u l-Kunsillier Nazzjonalista Herman Schiavone jesprimu rabja dwar l-ambjentalisti li ma jiftħux ħalqhom

Għal darba, darbtejn u anke tlieta il-bajja, suppost is-Sabiħa, ta’ Birżebbuġia ġiet imniġġsa biż-żejt mill-vapuri tal-freeport. Il-bajja ġiet magħluqa għal pubbliku. Batew dawk li jħobbu jgħumu hemm u anke dawk li jistennew l-istaġun tas-Sajf biex forsi jaqilgħu xi ħaġa min-negozju ibbażat fuq l-istaġun tal-għum. Sfreġju ambjentali li donnu l-ambjentalisti, li s-soltu tant jipprotestaw għal kull ħaġa li tista tniġġes, ma nnutawx. Stramba imma vera! Fil-fatt l-Partit tal-Alternattiva kien l-unika organizazzjoni li tkellmet għal dan il-lokal fin-nofsinhar tal-pajjiż.

Dan il-fatt qed jurta bil-kbir lis-Sindku ta’ B’Bugia, Kevin Barun u l-kunsillieri kollha, ġejjin minn liema partit ġejjin. “Għal B’Bugia ħadd ma jiftaħ ħalqu. It-tniġġiż u l-problemi ambjentali ilhom ġejjin fuq B’Bugia minn meta saret l-estensjoni fil-Freeport u ħadd mill-ambjentalisti ma ta’ xi forma ta’ għajnuna. Ħadd minnhom ma fetaħ ħalqu bħalma għamel f’postijiet oħrajn. Ma rridx niġġeneralizza, iżda jkolli nistaqsi, jaqaw ċerti ambjentalisti  jitkellmu u jipprotestaw għax ikollhom xi aġenda moħbija?  Għaliex band’oħra nipprotestaw u għal B’Bugia nagħlqu ħalqna?”

Anke l-kunsillier Nazzjonalist, Herman Schiavone qal li l-aktar li tinkwetah hu l-frekwenza ta’ dawn l-‘oil spills’ , “mhux normali. U dan qed jikkawża telfien fit-turiżmu intern, apparti li qed tbati l-kommunita tagħna. Jiddispjaċini li m’hemm l-ebda involviment mill-NGO’s ambjentalisti bħalma ħolqu agħa fuq postijiet oħrajn. Aħna qed nitolbu l-awtoritajiet biex jinvestu f’xibka li tilqa’ għall-ħruġ taż-żejt biex b’hekk nipproteġu l-bajja tagħna, għax din jixirqilha aħjar.”

More in Socjali