1,200 abort Malti f'għoxrin sena
L-ILLUM jiżvela kif mijiet ta' nista Maltin qed jagħmlu abort fir-Renju Unit b' faċilità u prezzijiet 'irħas'
minn Daniel Mizzi
Minn eżerċizzju li għamel l-ILLUM jidher ċar illi persuna Maltija tista’ tapplika biex tagħmel abort barra mill-pajjiż b’faċilità kbira, kważi kważi bl-istess proċess illi xi ħadd jibbukja vaganza onlajn. L-aktar ħaġa li ssorprendiet lil dan il-ġurnal kienet il-faċilità ta’ kif persuna Maltija tista’ ċċempel, tmur l-Ingilterra u tagħmel abort f’inqas minn 24 siegħa u mingħajr ebda inkwiet żejjed.
Apparti minn hekk il-proċedura tal-abort f’Londra jirriżultalna li jistgħu ma jqumux aktar minn €800 jekk it-tqala ma tkunx qabżet l-14-il ġimgħa.
Tfittxija sempliċi fuq l-internet waslet lil dan il-ġurnal għal xejn inqas minn 350 klinika jew aġenzija ta’ riferiment f’Londra biss fejn persuna tista’ tagħmel abort, att illi f’pajjiżna huwa meqjus bħala illegali u punibbli b’massimu ta’ tliet snin ħabs. L-ILLUM għamel kuntatt ma’ diversi minn dawn l-isptarijiet u kliniċi fosthom il-Finsbury Health Centre, Groundale Health Centre, Willesden Health Centre fost oħrajn. Dawn irreferewna għal British Pregnancy Advisory Service u l-Marie Stopes UK illi taw lill-ġurnal informazzjoni dwar prezzijiet u proċedura.
Tista’ tagħmel abort sa sitt xhur tqala
Jirriżulta li l-prezz tal-intervent u l-konsultazzjoni jvarja skont l-istadju tat-tqala tal-mara, bil-liġi Ingliża tagħmilha ċara li abort jista’ jsir biss qabel ma t-tqala tilħaq l-24 ġimgħa. Fil-każ tan-nisa li għandhom 14-il ġimgħa tqala jew inqas, l-prezz ivarja minn €800 u €1,000, filwaqt li għal dawk bit-tqala bejn 15 u 18-il ġimgħa, l-prezz jitla’ sa €1,300. Fl-aħħar stadju tat-tqala, jiġifieri bejn 19-il ġimgħa u sitt xhur, il-prezz jitla’ sa €2,800.
Iż–żewġ għaqdiet qalu li l-konsultazzjoni medika u l-intervent kirurġiku nnifsu jdumu ftit sigħat biss u li għaldaqstant persuna tkun tista’ titlaq lura d-dar f’temp ta’ ftit jiem. Minn dan l-eżerċizzju rriżulta li sakemm il-mara tkun b’saħħitha u ma jkollha l-ebda kundizzjonijiet mediċi, m’hemm l-ebda formalità u ma jkunx hemm bżonn ċertifikat mediku jew xi tip ta’ riferenza minn tabib jew speċjalista minn Malta qabel ma tagħmel l-abort.
Mal-ILLUM spjegaw kif minkejja li l-abort huwa legali fl-Ingilterra u li huwa saħansitra kkunsidrat bħala dritt, dawk in-nisa li jkunu indeċiżi jekk għandhomx jagħmlu abort jew le, jiġu offruti servizzi ta’ counseling u f’xi każijiet jingħataw għajnuna psikoloġika. Madankollu, hija l-mara li trid isaqsi għal dan is-servizz.
1,190 abort “Malti” f’20 sena
Skont statistika miġbura minn Robert Johnson ‘Abortion Statistics and other data’ u li kienet aġġornata l-aħħar f’Diċembru 2014 (ara t-tabella hawn taħt), kien hemm b’kollox 1,189 mara Maltija li għamlet abort bejn l-1993 u l-2013 fl-Ingilterra u Wales. Madankollu, n-numru ta’każijiet ta’ abort jista jvarja hekk kif, fil-verità jista jkun hemm aktar każijiet li qed iseħħu u li mhumiex qed jidhru fil-figuri għal fini ta’ statistika.
L-istess statistika ta’ Johnson turi kif fl-2009 kien hemm 78 każ ta’ abort li kien jinvolvi nisa Maltin, filwaqt li sorsi li tkellmu mal-ILLUM, qalu li fl-2014 kien hemm 65 mara Maltija li għamlet abort fl-Ingilterra u Wales biss, fejn b’kollox saru 184,571 abort fl-2014.
Tista’ mara Maltija titwaqqaf milli tagħmel abort barra?
L-ILLUM tkellem ukoll ma’ Stefano Filletti, avukat fil-kamp tal-liġi kriminali, li spjega kif teoretikament il-pulizija tista’ twaqqaf persuna Maltija milli titlaq barra minn Malta biex tagħmel abort. Madankollu, l-Avukat Filletti spjega kif hija diffiċli li l-pulizija jkollha suspett raġenovoli biżżejjed jew saħansitra evidenza li mara tkun sejra tagħmel abort. Dan minħabba li kwistjonijiet bħal dawn jinżammu misturin.
Din l-istess diffikultà teżisti wkoll f’każijiet fejn il-persuna Maltija diġà tkun barra minn Malta u lesta biex tagħmel l-abort fi sptar barrani. Filletti spjega kif peress li l-abort huwa illegali f’Malta, persuni Maltin jistgħu, teknikament, jiġu nvestigati u saħansitra miġjubin Malta jekk ikun hemm suspett raġenevoli li għamlu jew se jagħmlu abort.
“Ipotetikament, il-pulizija tista’ tintervjeni hekk kif kwalunkwe persuna Maltija hija suġġetta għall-liġi Maltija, irrespetivament jekk tkunx f’Malta jew le. Wieħed mill-elementi neċessarji sabiex persuna titwaqqaf milli tagħmel xi ħaġa barra minn xtutna, hija li l-azzjoni tagħha tkun illegali f’ dak il-pajjiż ukoll. Għaldaqstant, peress li l-abort huwa legali u saħansitra dritt f’ pajjiżi oħrajn, hija diffiċli ħafna biex il-pulizija tieħu azzjoni fil-każ tal-abort,” huwa qal.
L-Avukat Filletti sostna wkoll kif lilhinn minn dan kollu, huwa diffiċli ħafna li l-pulizija tipprova li l-mara in kwistjoni kienet tqila u li għamlet abort, aktar u aktar minħabba l-fatt li, ġeneralment, il-mara ma tkunx tidher li għamlet abort, u peress li l-pulizija ma tistax tordna eżamijiet ginekologiċi jew it-teħid ta’ kampjuni tad-demm.
Sena |
Nisa Maltin li għamlu abort fl-Ingilterra |
1993 |
45 |
1994 |
43 |
1995 |
40 |
1996 |
61 |
1997 |
64 |
1998 |
59 |
1999 |
49 |
2000 |
67 |
2001 |
57 |
2002 |
69 |
2003 |
47 |
2004 |
67 |
2005 |
54 |
2006 |
55 |
2007 |
69 |
2008 |
38 |
2009 |
78 |
2010 |
51 |
2011 |
63 |
2012 |
59 |
2013 |
54 |