It-traffiku: X’inhuma s-soluzzjonijiet?

L-ILLUM iħares lejn ħames soluzzjonijiet biex forsi xi darba tieqaf tistenna fit-traffiku

Il-ġimgħa l-oħra l-pajjiż reġa xegħel f’diskussjoni dwar it-traffiku hekk kif sriebet ta’ karozzi ġġammjaw it-toroq kollha li jagħtu ‘l barra mill-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. It-traffiku gravi li laqat it-toroq tal-inħawi minħabba xogħolijiet li qed isiru fuq proġett ta’ €53 miljun fil-bini mill-ġdid tat-triq kollha tal-Kosta, kien fuq fomm bosta sewwieqa u spiċċa għamel l-aħbarijiet nhar it-Tlieta filgħaxija fil-bullettini u l-għada fuq il-ġurnali.

Għalkemm is-sitwazzjoni bdiet ġejja lura għan-normal l-għada filgħodu, hekk kif bosta ħaddiema ta’ Transport Malta idderiġew il-karozzi b’mod iktar immaniġġjat, is-soluzzjoni għat-traffiku u għal mod kif nivvjaġġaw bħala poplu teħtieġ soluzzjonijiet iktar fit-tul. 

L-ILLUM ħares lejn ħames soluzzjonijiet li jistgħu serjament itaffu l-problema dejjem tikber tat-traffiku. L-ewwel ħarisna lejn it-trasport pubbliku bil-preġji u l-limitazzjonijiet kollha tiegħu, imbagħad lejn soluzzjonijiet oħrajn li f’dan il-pajjiż sar ħafna kliem dwarhom u ftit li xejn azzjoni. Jiġifieri trasport permezz tar-roti, trasport taħt l-art (metro), trasport bil-baħar u ‘monorail’.

B’tal-linja jaqbillek. Insomma mh ux eżattament

Bit-trasport pubbliku jaqbillek, imma sa ċerta punt biss. Jekk tuża l-kard li għadha kif ħarġet u jekk din taħdem kif suppost ċertament li jkun jaqbillek taqbad ix-xarabank, mill-angolu finanzjarju. B’€7.50 tkopri vjaġġ lejn ix-xogħol u lura d-dar għal ħamest’ijiem fil-ġimgħa, traffiku jew le.

Bix-xarabank jaqbillek ukoll għax m’għandekx problemi ta’ parkeġġ u, dejjem jekk ikun hemm post fil-vettura, tkun tista tpoġġi bilqegħda taqra ktieb jew tagħmel xi ħaġa iktar pjaċevoli milli tgerger u titkellem ħazin waħdek, hekk kif tkun maqbud f’serbut karozzi.

Żgur illi ma jaqbillekx iżda mill-angolu ta’ puntwalità. Filwaqt li minn dan l-aspett it-trasport pubbliku tjieb ħafna, xorta jibqa’ r-riskju, xi kultant frekwenti wisq, li x-xarabank tasal tard. Il-problema hija li f’pajjiżna ftit li xejn hawn ‘bus lanes’ u għalhekk il-vettura tispiċċa parti mis-serbut ta’ karozzi jistennew fit-traffiku. Minħabba dan, ħafna jirraġunaw illi “bejn mwaħħal f’karozza u mwaħħal f’xarabank, nippreferi l-karozza”. 

Is-soluzzjoni? Jeħtieġ li l-kumpanija Spanjola li qed tmexxi t-trasport pubbliku tkompli żżid il-vetturi tagħha biex taċċerta iktar puntwalità filwaqt li tkompli tagħmel pressjoni biex fejn possibbli jsiru ‘bus lanes’. Jeħtieġ ukoll li b’mod urġenti jiżdiedu x-xarabanks fiż-żoni l-aktar popolari u popolati ta’ Malta, speċjalment fis-Sajf u li tiżdied il-flotta matul il-lejl. 

Trasport taħt l-art ... imma meta?

Issa xbajna nisimgħu dwar kemm hi idea tajba li ssir ferrovija taħt l-art f’pajjiżna. Iżda s’issa, ħlief għall-pjani u x-xewqat ta’ Anġlu Xuereb, ma tantx smajna. Ifhem l-idea ta’ trasport taħt l-art (metro) hija tajba, però lanqas hi l-art mwiegħda li jaħsbu xi wħud. 

Mela l-ewwel punt huwa li l-pajjiż irid joħroġ ammonti kbar ta’ flus. F’Sao Paolo il-Brażil 11 km ta’ ferrovija taħt l-art swiet $1.6 biljun, 22 mil f’Singapore swew $4.8 biljun filwaqt li estensjonijiet (mhux bini) f’Berlin u Pariġi swew $250 miljun. Linja waħda f’Londra, jiġifieri il-Jubilee Line ta’ 16-il kilometru swiet $350 miljun, filwaqt li fl-Olanda linja ta’ 10km swiet $400 miljun. 

Dan kollu u m’aħniex qed ngħoddu l-ispejjeż relatati mat-tip ta’ ġebla u ħamrija, li jiddetermina l-prezz finali tal-investiment kif ukoll dak tal-elettriku, ikkudizzjonar tal-arja u riżorsa umana biex tara li l-operazzjoni taħt l-art timxi tajjeb. 

Imbagħad għandek l-istazzjonijiet, minn fejn persuna titla’ minn jew tinżel għal Metro. Skont l-espert fit-Trasport Pubbliku Amerikan Christopher Mac Kechnie stazzjon wieħed biss jista jiswa sa’ $150 miljun.

Issa kull investiment irid jiġi kopert b’xi mod, speċjalment jekk isir mill-privat. Li jfisser illi ferrovija taħt l-art, bl-operazzjoni kollha tagħha ikollha prezz pjuttost għoli. Ikun diffiċli li tkopri tali spejjeż b’biljett ta’ 75ċ bħal ma tħallas għal tal-linja.

Jibqa’ fatt iżda illi dan it-tip ta’ trasport huwa veloċi ħafna u tista tasal min  post għall-ieħor f’temp ta’ ftit minuti. Traffiku ma jeżistix u l-kumdità u l-puntwalità huma prattikament garantiti.

Is-soluzzjoni? Metro f’Malta hija soluzzjoni formidabbli, imma bħal dejjem, kemm lesti li nħallsu biex ikollna trasport taħt l-art li jwassalna fid-destinazzjoni fl-iqsar żmien possibbli? Jekk lesti nħallsu mela l-metro hija s-soluzzjoni li għandna bżonn, jekk irridu nivjaġġaw bil-€1.50 u mhux iktar, mela le. 

Trasport bil-baħar....għalfejn le?

Malta gżira mdawwra bil-baħar, b’temp li huwa tajjeb għal madwar sitt xhur matul is-sena. Fl-1996 Gvern Laburista kien beda jiddiskuti l-idea tal-proġett Connections, li sfortunatament miet mewta naturali wara bidla fil-Gvern. Issa reġa qed jissemma u jkun tajjeb jekk dan il-Gvern jkompli fejn prova jibda l-eks-Prim Ministru Alfred Sant.

Il-vantaġġi ta’ vjaġġar bil-baħar huma bosta. Veloċità, puntwalità, ħlief meta jkun il-maltemp u l-fatt li lill-pajjiż dan it-tip ta’ trasport ma jiswiehx mitqlu deheb. L-idea tal-proġett Connections kien li jgħaqqad lil Tas-Sliema u l-lokalitajiet fin-nofsinhar tal-port mal-Belt Valletta. Immaġina kemm taħli inqas ħin kieku minn Tas-Sliema, jew saħansitra minn San Pawl il-Baħar, Marsascala jew mill-Kottonera jkollok vjaġġi programmati kull ftit ħin bi prezz raġonevoli li jwassluk sal-Belt b’waqfiet qosra f’Tas-Sliema jew San Ġiljan (jekk tibda minn San Pawl) u l-Marsa, l-Pietà u forsi l-Imsida wkoll.

Naturalment żvantaġġi hemm ukoll. Bl-aktar wieħed ovvju jkun il-maltemp fix-Xitwa illi xi ftit jew wisq jista jtawwal u anke f’każijiet iħassar il-vjaġġi. 

Soluzzjoni? Il-baħar jista jkun il-futur tat-trasport għalkemm naturalment dan jkollu jitqies bħala tali flimkien ma’ soluzzjonijiet oħrajn b’infrastruttura fuq l-art li huma tajbin għal matul is-sena kollha.   

Monorail...lesti nħallsu?

Il-monorail hija soluzzjoni simili ħafna għal dik tal-ferrovija taħt l-art. Bħala kapital tkun teħtieġ l-istess ammont ta’ flus, fil-fatt meta kien propost bħala proġett, biex isir minn fondi Ewropej, il-Gvern preżenti kien stima li b’kollox ‘monorail’ tiġi tiswa mal-€1.4 biljun. Id-deskrizzjoni tal-proġett huwa simili għal proposta taħt l-art fis-sens li l-ferrovija tieqaf f’ċerti postijiet minn fejn il-passiġġieri jistgħu jimxu jew jaqbdu t-trasport pubbliku għad-destinazzjoni aħħarija tagħhom. 

Soluzzjoni? Probabilment, iva. Komda, puntwali u veloċi. Imma, lesti nħallsu?  

Rota? Le ta..

L-użu tar-rota bħala mezz ta’ trasport tibqa’ waħda li għal ħafna Maltin huwa aljen u sempliċiment mhux għażla. 

Nibdew bil-vantaġġi. L-użu tar-rota huwa pożittiv, nadif u tajjeb għas-saħħa, jiġifieri l-vjaġġ għax-xogħol jista jkun veloċi, għax bla traffiku u jtik l-enerġija. Il-problema hija li f’pajjiż bħal Malta fejn il-‘bicycle lanes’ huma rari, minflok soluzzjoni tajba għas-saħħa r-rota tista twasslek sal-isptar jekk mhux agħar. 

Jiġifieri filwaqt li hija pożittiva wkoll mill-punt finanzjarju, r-rota, kif pjanati t-toroq Maltin, tista tkun ta’ periklu.

Soluzzjoni? Ir-rota kapaċi tkun soluzzjoni jekk ikun hemm ħafna iktar ‘bicycle lanes’ u dixxiplina fit-toroq. Sa dakinhar din is-soluzzjoni, mhux soluzzjoni.  

More in Socjali