“L-ilma huwa, bla dubju, wieħed mill-aktar riżorsi fundamentali għal din il-gżira u għall-abitanti”, hekk tenna l-Ministru Refalo waqt żjara f’Għar Ilma, f’Santa Luċija, Kerċem. Il-Ministru Refalo ħeġġeġ lill-istudenti biex jibżgħu għall-ilma u saħaq li għandhom iwasslu dan il-messaġġ anke fid-djar tagħhom. Il-Ministru ħeġġeġ lill-istudenti biex huma jinkoraġġixxu bidla pożittiva, responsabbli u sostenibbli fl-użu tal-ilma.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo fakkar li ftit tax-xhur ilu żar dan il-proġett li sar permezz ta’ water programme tal-HSBC – ‘Catch the Drop Campaign’. F’Għar Ilma saru xogħlijiet fejn ġew mikxufin kanali tal-ilma ta’ żmien l-Ingliżi. Dawn kienu jwasslu ġol-mini li jagħtu għall-akwedotti ta’ bejn Santa Luċija u r-Rabat. Eventwalment dan l-ilma kien iwassal għall-għajn li kienet tinsab fi Pjazza Savina ġewwa r-Rabat. Matul dan is-sajf qed iżuru dan is-sit tfal minn Skolasajf fejn qed jiġi spjegat kif kienu jagħmlu l-antenati tagħna sabiex jiġbru l-ilma u b’hekk ikunu jistgħu japprezzaw aktar il-valur u l-importanza tal-ilma.