40 Karozza tal-Linja ġdida għall-Malta Public Transport

23 karozza mikrija se tintbagħat lura l-Ingilterra

Il-Malta Public Transport ħabbret li waslu l-40 karozza tal-linja l-ġdida u se jibdew jintużaw minn tmiem din il-ġimgħa. Dawn waslu wara l-ewwel konsennja ta' karozzi tal-linja li waslu f'Lulju, biex b'hekk l-ammont ta' karozzi tal-linja laħaq it-80 f'temp ta' xahar.

It-62 karozza oħra mistennija jaslu Malta f'Settembru biex it-total jilħaq il-142 karozza tal-linja. B'din il-konsennja, il-kumpanija ġabet total ta' 115-il karozza tal-linja.

Fi stqarrija maħruġa mill-Malta Public Transport, intqal li issa li waslu 40 karozza ġdida, 23 mill-karozzi temporanji li inkrew is-sena ta' qabel, se jintbagħtu lura lejn l-Ingilterra. Dawn il-karozzi kellhom xi problemi minħabba li l-arja kkundizzjonata ta' fuqhom ma kienetx adegwata partikolarment fl-aħħar ġimgħat li kienu ta' sħana partikolari.

Il-Malta Public Transport qalet kif dawn il-karozzi ġew milqugħa b'mod pożittiv kemm mix-xufiera u l-passiġġiera. Dawn il-karozzi huma idjeq minn ta' qabilhom u huma twal 9.6m. Dan it-tul għandu jkun ta' għajnuna fil-flessibiltà f'diversi toroq.

Dawn il-karozzi jipprovdu aċċess għal persuni b'siġġu tar-roti minħabba li għandhom qiegħ baxx u għandhom żewġ bibien li għandhom jippermettu lin-nies jitilgħu u jinżlu b'mod iktar faċli, u jifilħu jġorru 60 passiġġier.

More in Socjali