60 ftehim ta' ġemellaġġ bejn Kunsilli Maltin u barranin

Gheluq l-għaxar anniversarju mill-ġemellaġġ bejn San Lawrenz u Colle Umberto fi Treviso

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li jeżistu 60 ftehim ta’ ġemellaġġ bejn kunsilli Maltin u barranin. Dan qalu llum waqt li indirizza konferenza fil-Kempinski Hotel San Lawrenz li ġiet organizzata biex tfakkar l-għaxar anniversarju tal-ftehim ta’ ġemellaġġ bejn il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz u dak ta’ Colle Umberto fi Treviso, l-Italja.

Dr Buontempo rrimarka li l-kollaborazzjoni bejn bliet u rħula ġemellati tirrifletti l-kooperazzjoni li sawret l-Unjoni Ewropea, u li grazzi għaliha gawdejna snin ta’ paċi fl-Ewropa tal-Punent. Però n-nies li m’għandhomx kuntatt dirett ma’ nies oħra fl-Ewropa, pereżempju fin-negozju, ma jmissux b’idejhom dan il-ġid komuni. Huwa għalhekk li l-ġemellaġġi huma siewja għax jippermettu kollaborazzjoni fuq livell muniċipali biex b’hekk in-nies tibbenifika b’mod dirett.

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-prattika li belt jew raħal Malti jidħol f’ġemellaġġ ma’ belt jew raħal barrani maż-żminijiet daħlet sew, tant li jeżistu 60 ftehim ta’ ġemellaġġ ma’ kunsilli jew muniċipalitajiet barranin. Hemm 20 ftehim ieħor li huma approvati u jonqos biss li jiġu ffirmati.

Filwaqt li hemm 45 ftehim ma’ kunsilli Taljani, bħalma għamel il-Kunsill ta’ San Lawrenz meta ġġemella ma’ Colle Umberto fi Treviso, l-Italja, Dr Buontempo rrimarka li jeżistu erba’ ġemellaġġi ma’ kunsilli Spanjoli, tnejn ma’ kunsilli Griegi, Franċiżi u Ġermaniżi u ġemellaġġ ma’ kunsilli mill-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Polonja u r-Renju Unit.

Dr Buontempo spjega li l-kunsilli għażlu li jissieħbu għal raġunijiet varji, fosthom li jissieħbu mal-belt jew raħal assoċjat mal-padrun tar-raħal jew inkella ma’ postijiet fejn issir attività simili ta’ Malta bħall-biedja, jew il-produzzjoni ta’ ċertu prodott.

Huwa tkellem ukoll dwar kunsilli li għażlu li ma jissiħbux fi ftehim ta’ ġemellaġġ, iżda xorta jikkollaboraw fil-qrib ma’ kunsilli barranin permezz tal-programm ‘Europe for Citizens’ tal-Unjoni Ewropea. Fost il-benefiċċji li wieħed jista’ jieħu permezz ta’ parteċipazzjoni f’dan il-programm hemm it-tkattir tal-għarfien dwar l-Unjoni Ewropea, l-istorja tagħha u d-diversità li ssawwarha fost iċ-ċittadini, kif ukoll it-tisħiħ tal-kunċett ta’ xi tfisser li tkun ċittadin Ewropew permezz ta’ parteċipazzjoni ċivika u demokratika. Fil-fatt mill-2001 sal-2014 kien hemm mas-56 kollaborazzjoni li numru minnhom issarrfu f’ġemellaġġ. Fost l-oħrajn, dawn trattaw il-ħajja f’komunitajiet rurali u skambju fil-qasam kulturali u soċjali.

Dr Buontempo qal li jara potenzjal f’dan il-qasam anke fid-dawl ta’ proġetti li jsaħħu l-edukazzjoni u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fi ħdan il-komunitajiet tagħna jew dwar dak li għandu x’jaqsam mal-well-being tal-anzjani.

Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-qsim tal-esperjenzi u l-ideat huwa sors importanti ħafna ta’ ksib ta’ għarfien u li jgħin bis-sħiħ fl-iżvilupp tal-komunitajiet tagħna. Huwa awgura lill-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz u Colle Umberto aktar snin ta’ kollaborazzjoni.

 

More in Socjali