Minn Paceville sal-Belt...l-Isqallin qed jaħtfu kollox

Jixtru kollox minn pajjiżhom u jħaddmu nies tagħhom biss

Jekk wieħed jimxi mal-kosta bejn Paceville u l-Gżira, ħdejn il-Manoel Island, jilmaħ għexieren jekk mhux mijiet ta’ kafetteriji u ristoranti Sqallin. Jekk tmur sal-Belt tinnota li dawn il-kafetteriji ż-żgħar kollha, jew fil-biċċa l-kbira tagħhom, qed jitmexxew mill-Isqallin, fil-fatt minn dak li qalulna sorsi li tkellmu mal-ILLUM jidher li dawn qed imexxu madwar 130 ħanut, b’dawk taż-żraben u ħwejjeġ inklużi, fil-Belt Kapitali biss. Buġibba wkoll jidher li żdiedu sew il-kafetteriji u ristoranti Sqallin.

Tkellimna mad-Deputat President tal-GRTU, Philip Fenech li kkonferma li “l-Isqallin qed jieħdu ‘over’” u qalilna li huma l-ftit minnhom li qed jixtru n-negozju u jsiru sidien. “Ħafna jikru mingħand Maltin diġà liċenzjati. Aħna ma nistgħu nagħmlu xejn għax dawn għandhom il-libertà tal-moviment bħala ċittadini Ewropej. Madankollu l-ilmenti li nirċievu mingħand il-klijenti tagħna huma li dawn ma jixtru xejn minn pajjiżna u għalhekk ikun tajjeb li wieħed jiskopri jekk dawn humiex qed joperaw skont il-liġi u jekk humiex iħallsu t-taxxi kollha.”

Fenech kompla jsostni li “anke l-impjegati f’dawn il-ħwienet huma kollha Sqallin. U għal dan ukoll ma nistgħu nagħmlu xejn, iżda huwa importanti li nkunu nafu jekk dawn l-impjegati hux qed jiġu mħallsin u reġistrati skont il-liġijiet Maltin.” Fenech wissa li jekk dan mhux il-każ allura “jkun ifisser li hawn sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni li mhix ġusta u ta’ żvantaġġ għal min hu leġitttimu.”

Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Socjali