Meta ritratt jista’ jkun gidba
- Il-Photoshop jagħmel il-mirakli fejn iraqqek mingħajr dieta...“Jien ma nħobbx nitmejjel bija nnifsi u għalhekk naħdem fuq il-figura tiegħi u mhux naħbiha bir-ritratti li jkunu rranġati.”
minn John Busuttil
Fl-era ta’ Facebook, aktar ritratti qed jimlew il-profili ta’ ħafna nisa u anke rġiel. Meta tibda ddur fuq Facebook tinnota li kważi kull persuna li tpoġġi wiċċha jew ġisimha fuq il-profil tiegħu, kważi jkun perfett. Kulħadd isir mudell b’wiċċ anġeliku fejn donnu ż-żmien jieqaf għal ħafna, u ma jixjieħu qatt! Il-verità toħroġ biss meta tiltaqa’ wiċċ imb’wiċċ mal-persuna li toħroġ minn Facebook, dejjem jekk tagħarafha.
Dan kollu qed iwassal biex ħafna nisa u anke rġiel, illum saru jfittxu fotografi professjonali biex jieħdu photoshoots imbagħbsin bil-programm Photoshop li jneħħilek ix-xaħam żejjed, tikmix, ċellulite u anke xi ponot. Għalhekk l-ILLUM tkellem ma’ fotografu professjonali li xogħolha hu li tħarreġ il-mudelli u toħdilhom photoshoots, Janice Azzopardi li ħafna mix-xogħol tagħha fil-preżent hu li tieħu photoshoots għal persuni ta’ kull età. Minn trabi li għadhom jitwieldu sa nisa anzjani.
“L-aktar persuna anzjana li għamilt photoshoot tagħha kellha 75 sena. Kienet mara minn Sqallija li ġiet Malta apposta biex noħdilha photoshoot għax riedet li tħalli ritratti senswali anke tal-età tagħha lil żewġha wara li tmut.”
Il-mistoqsija tagħna hi dwar ir-raġuni għaliex is-sessjonijiet ta’ ritratti individwali qed jiżdiedu u għaliex lesti li jħallsu biex jkollhom sett ta’ ritratti professjonali. Fil-fatt, il-prezzijiet normali huma xi ħaġa hekk: għal mini shoot fi studio, wieħed irid iħallas €40, photoshoot fi studio fejn fiha persuna tbiddel il-ħwejjeġ diversi drabi tħallas €60 u jekk ix-shoot tkun fuq barra, wieħed irid iħallas €90.
“Kull persuna tuża r-ritratti għal modi differenti. Per eżempju ir-ritratti tat-trabi li għadhom jitwieldu, l-ġenituri jżommuhom għall-użu personali tagħhom. Iżommuhom bħala memorja għalihom. Il-maġġoranza li jiġu għal photoshoots huma tfajliet adoloxxenti bejn l-14 u 18-il sena. Hemm minnhom li jużawhom għal Facebook biex jiġbdu l-attenzjoni, u oħrajn ikollhom ħajra li jsiru mudelli u għalhekk dawn ir-ritratti jużawhom biex isibu xogħol tal-immudellar.”
Dan naturalment ifisser li kemm ilu li hemm Facebook, ix-xogħol tal-fotografi professjonali żdied għax it-talba kibret fejn illum, anke l-irġiel qed jmorru għall-photoshoots. Għall-kurżità, tlabna lil Janice tgħidilna jekk l-irġiel li jmorru għall-photoshoots humiex l-aktar omosesswali jew eterosesswali. “Mudelli jew irġiel eterosesswali l-aktar li ġew għandi, fejn huma jkunu jridu juru l-body fitness tagħhom.” Juri wkoll li n-narċisiżmu fir-raġel qed jikber immens, bl-għan li wieħed jidher dejjem aħjar.
Iżda Janice Azzopardi hi dik il-persuna li tgħin biex il-persuni jgħixu gidba? Jiġifieri li juru li jidhru mod meta fil-verità jkollhom dehra differenti? Illum kulħadd jaf li hawn programmi fuq il-kompjuter bħall-Photoshop li jagħmel il-mirakli, fejn bih kapaċi tirqaq mingħajr dieta u tidher iżgħar mingħajr ma tnaqqas l-età.
“Ara kull ritratt f’photoshoot jgħaddi mill-photoshop” qaltilna Janice, “Għax biex ikun professjonali trid tirranġalu d-dawl u d-dellijiet. Iżda mbagħad trid tirranġa d-difetti, fejn l-adolexxenti żgħar ikunu jixtiequ li tneħħilhom il-ponot. Imbagħad hemm min ikun irrid li tnaqqaslu żaqqu u d-dirgħajn, u jagħmlu l-ġilda qisha tal-plastik. In-nisa akbar fl-età barra li jnaqqsu ż-żaqq ikunu jridu li tneħħilhom it-tikmix u sidirhom jidher aktar wieqaf.”
Janice qalet li hi ma taqbilx mal-Photoshop u li lill-mudelli tagħha tagħtihom pariri biex ikunu naturali kemm jistgħu fir-ritratti, u jekk iridu jnaqqsu xi partijiet minn ġisimhom jistgħu jagħmlu dan b’dieta tajba, u b’taħriġ fil-gym, kif fil-fatt tagħmel hi, “Jien ma nħobbx nitmejjel bija nnifsi u għalhekk naħdem fuq il-figura tiegħi u mhux naħbiha bir-ritratti li jkunu rranġati.”
Janice qaltilna wkoll li l-editjar bil-Photoshop l-aktar li jeħodlok ħin, “per eżempju fuq persuna ta’ ċertu kobor jekk teħodlok ritratti bil-bikini jew b’xi lingerie, ritratt wieħed editjat jeħodlok madwar siegħa speċjalment jekk ikun hemm xi ‘string’ li tidħol fil-laħam jew lingerie b’xi pattern vertikali.”
Dwar Facebook li taha aktar xogħol, Janice Azzopardi qaltilna, “Facebook għen, iżda kisser ukoll. Għax illum kull min għandu biċċa kamera u programm tal-Photoshop sar fotografu professjonali. Meta min hu professjonali mhux biss jistudja l-fotografija iżda jibqa’ dejjem jaġġorna ruħu fil-Photoshop biex dejjem itejjeb il-prodott”.
Temmet tgħid li anke jekk hi personali ma taqbilx mal-Photoshop, xorta trid tużah skont x’jitlob il-klijent, “għax min iħallas għandu dritt jitlob dak kollu li jixtieq u li jista’ jsir” temmet tgħid Janice.