“Hemm min dam jistenna 14-il sena biex jieħu annullament”

L-Arċisqof Charles J Scicluna, Fr Rene Camilleri, Arthur Galea Salomone u Emmy Bezzina dwar il-bidliet fil-proċessi tal-annullament

Din il-ġimgħa l-Papa Franġisku ħabbar tibdiliet fil-proċessi tal-annullament tal-Knisja Kattolika li huma mmirati biex itaffu xi ftit mit-tagħbija li l-proċess pjuttost twil u laborjuż kien qed iħalli fuq koppji li jfittxu li jannullaw iż-żwieġ tagħhom. Fil-fatt, ma’ dan il-ġurnal, Fr Renè Camilleri spjega kif darba hu kellu jixhed f’appell ta’ annullament li kien ilu jistenna seba’ snin. Dan ifisser li, magħduda mas-seba’ snin li l-koppja damet tistenna biex tinqata’ l-ewwel sentenza, il-każ dam b’kollox 14-il sena.

It-tibdiliet intlaqgħu b’mod ġeneralment pożittiv minn bosta persuni, kemm lokalment kif ukoll fuq il-midja internazzjonali b’diversi kleriċi jfaħħru lill-Papa għal din id-deċiżjoni. 

Il-Professur tat-Teoloġija fil-kulleġġ ta’ Boston u l-Ġiżwita James Bretzke spjega mal-ġurnal New York Times kif dak li qed naraw huma ġesti “prattiċi biex il-proċess tal-annullament ikun aktar user friendly u jirrispondi għall-bżonnijiet tal-foqra u l-emarġinati”.  

“Il-Papa qed jinvesti b’fiduċja fl-Isqfijiet” qal il-Monsinjur Pio Vito Pinto mal-istess ġurnal, li ammetta wkoll kif għalkemm uħud fil-Knisja Kattolika jistgħu ma jkunux kuntenti bil-bidliet “ir-riforma tpoġġi lill-foqra fiċ-ċentru.” 

Il-bidliet imħabbrin fil-proċess tal-annullament fil-qosor

Dan il-ġurnal qiegħed jagħmel lista ta’ punti biex fil-qosor, il-qarrejja jifhmu aħjar x’inhuma t-tibdiliet li ħabbar il-Vatikan din il-ġimgħa u li se jfissru proċess inqas burokratiku għal dawk il-koppji li qed ifittxu li janullaw iż-żwieġ tagħhom bil-Knisja.

  • Il-proċess tal-annullament se jsir b’xejn. Mhux se jibqa’ jintalab ħlas għal spejjeż amministrattivi. Naturalment, lill-avukat trid tibqa’ tħallsu.
  • Jista’ jkun hemm biss verdett wieħed favur in-nullità taż-żwieġ biex persuna tkun tistà terġa tidħol fiż-żwieġ bil-Knisja li huwa validu.
  • Fil-proċess kollu se jkun hemm imħallef wieħed li jkun taħt ir-responsabbiltà tal-Isqof. Qabel kien hemm tliet membri li jridu jiddeċiedu. 
  • F’każ fejn l-evidenza favur in-nullità taż-żwieġ tkun ċara, l-Isqof lokali jkun jista’ jagħmilha tal-uniku imħallef. B’hekk il-proċess jgħaġġel aktar. 
  • Każ jista’ jibda jinstema’ wara 30 ġurnata li ssir l-aplikazzjoni u sa mhux aktar tard minn 45 ġurnata.
  • L-appell issa m’għadx għandu għalfejn imur il-Vatikan u jista’ jkun deċiż mid-Djoċesi stess.
  • Id-deċiżjoni tal-Vatikan ma jfissirx li l-Knisja Kattolika taqbel mad-divorzju. Id-divorzju ma jannullax żwieġ u jibqa’ jirrikonoxxi l-eżistenza passata tiegħu.  

Ġustizzja fil-qalba tal-bidliet – L-Arċisqof Charles J. Scicluna

"Il-qalba tal-bidliet hija ġustizzja li min qed jitlob risposta jirċivieha malajr. Dak li għamel il-Papa huwa wkoll dimostrazzjoni ċara ta’ rispett imġedded tal-Knisja Kattolika lejn il-foqra, sinjal ċar li l-Papa Franġisku u l-Knisja kollha ma tagħmel ebda differenza bejn is-sinjur u l-fqir fejn tidħol il-ġustizzja. 

Il-Knisja, anke f’Malta, qed tagħmel il-parti tagħha billi tissusidja t-Tribunal li jesegwixxi l-każijiet ta’ annulament bl-ammont ta’ €1,000 kuljum, jiġifieri €360,000 kull sena. Dan is-sussidju ma jmurx biss għall-pagi u l-ispejjeż imma jitħallsu wkoll servizzi ta’ psikologu jew l-avukat li xi nies ma jkunux jifilħu jħallsu. 

Nixtieq nagħmel appell lill-avukati wkoll minn hawn biex jgħinu fil-proċess kollu u jaraw li l-miżati li qed jitolbu lin-nies ikunu mrażżnin u kontrollati. Mhux qed ngħid li għandhom jagħmlu xogħol b’xejn, ħa ninftiehem sew, imma huwa importanti li nwieżnu u niftakru f’min huwa batut. "

Il-Papa qed jiġġieled il-burokrazija – Fr. Renè Camilleri

"Jien inħossni komdu ħafna b’dawn it-tibdiliet. Wara snin nitkellmu dwar il-bżonn ta’ bidliet fil-knisja ġie l-Papa u qal “ejja ħa nbiddlu u nissimplifikaw l-affarijiet”. Illum kull Gvern għandu Ministru jew persuna li taħdem kontra  l-burokrazija u anke l-Papa hekk irid jagħmel, irid jiġġieled il-burokrazija li dejjem kienet mażżra m’għonq il-Knisja. L-aħħar li tlajt fuq appell ta’ koppja li riedu jannullaw iż-żwieġ, niftakar li kienu ilhom jistennew biex jinstema’ l-appell seba’ snin, apparti s-seba’ snin li kienu ilhom jistennew sakemm inqatgħet is-sentenza. Jiġifieri b’kollox, il-proċess dam 14-il sena. 

Allura dawn il-bidliet ifissru li ħajjet dawn in-nies qed tkun aktar faċli. "

Pass pożittiv li ma setax ikun evitat – Emmy Bezzina

"Dan il-Papa huwa progressiv u jidher ċar li jrid jisimplifika l-Knisja ta’ Ġesù. B’hekk, b’dawn il-bidliet huwa ried li jbiddel proċess antikwat li kien qed jiġġebbed b’mod eżaġerat, li kien qed jiswa ħafna flus u li kien qed iwassal biex in-nies jaqtgħu qalbhom, u jmorru jgħixu ma’ xi ħadd ieħor filwaqt li ma jibqgħux għaddejjin bil-proċess tal-annulament. 

Definittivament dan kien pass progressiv, imma l-Papa Franġisku ma kellux triq oħra ħlief li jagħmel dan biex jerġa’ jiġbed in-nies lejn il-Knisja Kattolika. Il-fatt li l-każ jibda jinstema’ f’massimu ta’ 45 ġurnata hija ferm pożittiva biex b’hekk ma jittawwalx il-proċess bla bżonn. Bħala bniedem lajk, inħoss li dawn kienu bidliet f’waqthom fid-dawl ta’ Kurja ripressiva, speċjalment fid-dawl ta’ deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu. Inħossni kuntent li lokalment l-eks Vigarju Ġenerali Arthur Said Pullicino ma baqax fil-pożizzjoni għax għamel ħafna ħsara fil-proċess tal-annulamenti. 

Dak tal-Papa kien pass pożittiv li ma setax ikun evitat."

Bidliet għal simplifikar - Arthur Galea Salomone

"Dawn huma żviluppi pożittivi. Il-bidliet huma intenzjonati biex jissimplifikaw il-proċedura, inaqqsu d-dewmien u jraħħsu l-ispejjez fil-proċeduri. Jalla l-amministraturi tal-ġustizzja u l-ġudikanti jieħdu l-eżempju tal-Papa u jkunu iżjed sensittivi għall-fatt li kawżi dwar status personali mhumiex proċeduri amministrattivi imma jirrappreżentaw esperjenzi personali ta’ uġigħ."

More in Socjali