[Vox Pop] Iż-żwiemel fit-toroq: Il-Maltin bejn ħalltejn

Skont l-avviż legali li mistenni jidħol fis-seħħ fil-ġimgħat li ġejjin, iż-żwiemel se jinqatgħu mit-toroq għal erba' sigħat

Ritratt: Ray Attard
Ritratt: Ray Attard
Għandhom jitneħħew iż-żwiemel mit-toroq? • Filmati: Chris Mangion

Wara li l-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM żvelat kif fil-ġimgħat li ġejjin se jidħol fis-seħħ avviż legali li fost l-oħrajn, se jagħmilha illegali li jinstaqu żwiemel f’toroq prinċipali f’ħinijiet partikolari, l-ILLUM żaret il-Belt Valletta biex tieħu l-kummenti tal-pubbliku dwar l-opinjoni tagħhom.

Dan l-avviż legali, fost diversi punti, ma jippermettix li sewwieqa taż-żwiemel,  isuqu f’toroq arterjali, bejn is-sebgħa u disgħa ta’ filgħodu, u l-erbgħa u s-sitta ta’ waranofsinhar.

Il-kummenti tal-pubbliku kienu mħalltin, b’uħud juru s-sodisfazzjon tagħhom li din il-liġi finalment se tiddaħħal, u oħrajn iħossu li dan mhux ġust fuq is-sidien ta’ dawn iż-żwiemel. Fil-fatt, l-idea ta’ xi wħud li tkellmu mal-ILLUM hi li b’dawn il-bidliet qed jiġi mnaqqar id-delizzju tagħhom.

Bosta wrew it-tħassib tagħhom dwar il-kundizzjonijiet taż-żwiemel u qalu li ammont kbir minnhom xorta waħda jkunu fix-xemx minkejja li hemm it-tined.

Għalkemm l-avviż legali jispeċifika li dan ma japplikax fuq il-karozzini, minħabba li dawn huma meqjusa bħala transport pubbliku, dawk li tkellmu magħna, xorta waħda esprimew ruħhom dwar dan. Kienu diversi n-nies, partikolarment residenti Beltin li lmentaw dwar id-diversi problemi li joħolqu ż-żwiemel, fosthom il-ħmieġ u l-irwejjaħ li jħallu.

More in Socjali