Transport Malta nfurmat lil din il-gazzetta li bħalissa għaddej il-proċess biex ikunu impjegati żewġ eżaminaturi ġodda bil-għan li jitnaqqas id-dewmien u ż-żmien ta’ stennija għat-testijiet tas-sewqan.
L-awtorità qalet dan b’reazzjoni għall-istorja li dehret fuq il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd 6 ta’ Settembru li kienet titratta lmenti ta’ numru ta’ skejjel tas-sewqan dwar dewmien kbir sakemm l-istudenti tagħhom jitilgħu għat-test tas-sewqan. Tliet skejjel li tkellmu ma’ din il-gazzetta spjegaw kif iż-żmien ta’ stennija minn meta l-instructor jitfa’ l-applikazzjoni għat-test sakemm TM tagħti data ta’ meta jsir l-istess test, twal min-norma ta’ tliet ġimgħat għal sitta jew anke tmien ġimgħat.
Filwaqt li TM ma ċaħditx dan id-dewmien li skont ir-Royal Motoring School, Roadcraft Motoring School u d-Delmar Motoring school, kien eseġerat dan is-sajf, kelliema tal-istess awtorità qalet li matul ix-xahar t’Awwissu Transport Malta għamlet 756 test; madwar 36 test kuljum.
TM kompliet tgħid li kull ġimgħa, żewġ eżaminaturi jkunu allokati għat-testijiet tal-muturi u ġurnata oħra għax-xufiera tal-karozzi tal-linja. “Isiru t-testijiet f’xi Sibtijiet ukoll, iżda ftit skejjel jużaw din il-ġurnata. Ta’ min wieħed jgħid ukoll li l-Awtorità spiss toffri lill-iskejjel xi ħinijiet oħrajn għall-eżamijiiet li jkunu ġew disponibbli minħabba raġunijiet varji. Madankollu, spiss ikun hemm skejjel li jirrifjutaw din l-offerta” temmet tgħid l-awtorità.