75% tal-qarrejja ma jridux iktar immigranti f’Malta
skont stħarriġ online tal-ILLUM
More in Socjali
skont stħarriġ online tal-ILLUM
Mitlubin jipparteċipaw f’sondaġġ fuq is-sit illum.com.mt il-qarrejja ma tantx kienu pożittivi dwar il-possibilità li Malta tieħu aktar immigranti, madwar 133 b’kollox, bħala sinjal ta’ solidarjetà, kemm ma’ dawk il-persuni li deħlin fl-Ewropa kif ukoll mal-pajjiżi l-oħrajn Ewropej li bħalissa qed jirċievu fi ħdanhom eluf kbar ta’ persuni barranin.
Minkejja li l-idea tal-qsim tal-piż (burden sharing) kien popolari ma’ bosta Maltin u Għawdxin minn dawk li vvutaw f’dan is-sondaġġ onlajn (li mhux xjentifiku), kienu inqas minn kwart dawk li wrew il-fehma li Malta għandha tospita aktar persuni li bħalissa qed jaħarbu mill-gwerer u l-inkwiet politiku li fih jinsab pajjiżhom.
Fil-fatt, wara li l-Unjoni Ewropea permezz ta’ kwoti ġodda ddetereminat kemm-il persuna kull pajjiż għandu jaċċetta, l-illum.com.mt staqsa: “Taqbel li bħala sinjal ta’ solidarjetà, Malta għandha taċċetta li żżid il-kwota ta’ immigranti b’133 persuna?”
Għal din il-mistoqsija 74.6% wieġbu fin-negattiv filwaqt li kienu biss 23% li wieġbu ‘Iva’. Fost dawk li wieġbu fin-negattiv, huwa ċar li l-akbar problema hija li l-maġġoranza tagħhom jaraw lil Malta bħala “pajjiż żgħir wisq” biex jaċċetta iktar immigranti. Il-bqija ta’ dawk li pparteċipaw fis-sondaġġ u li qalu ‘Le’ jemmnu li pajjiżna m’għandux biżżejjed riżorsi biex ilaħħaq ma’ domanda akbar ta’ persuni.
Min-naħa l-oħra, dawk li vvutaw ‘Iva’ kienu maqsumin bejn dawk li jemmnu li dawn il-persuni għandhom dritt għal ħajja aħjar u dawk li jemmnu li Malta tiflaħ għal 133 aktar persuna minħabba li l-wasliet ta’ immigranti din is-sena kienu bil-wisq inqas mis-snin ta’ qabel. Kienu biss 2.3% ta’ dawk li vvutaw li ma kellhomx pożizzjoni ċara.
Naċċettaw Insara....
Jidher li l-atitudni li qed jieħdu ċerti pajjiżi madwar l-Ewropa qed tinżel tajjeb ma’ xi Maltin. Il-Gvern tal-Islovakkja, li skont il-mekkaniżmu Ewropew ta’ qsim tal-piż kien se jmissu 200 persuna mis-Sirja, għamilha ċara li se jkun qed jaċċetta immigranti Kristjani biss.
Dan is-sentiment, espress ukoll minn Sindku fi Franza, għalkemm diskrimatorju, issemma minn xi qarrejja. Fost dawn, Mario Bruno qal li “jekk m’hemmx mod ieħor x’nagħmlu, naraw li dawk il-133 jkunu Nsara u bl-istess kultura”, ma dan qablet ukoll Pauline Schembri.
Minkejja dawn il-kummenti, qarrejja taħt l-isem Nazzarena staqsiet x’kienu jgħidu dawk in-nies li huma kontra li Malta tilqa’ aktar immigranti u “li ma jridux iħennu għall-proxxmu” kieku fost dawk il-persuni li qed ifittxu ħajja aħjar kien hemm binhom jew binthom.