Malta: Destinazzjoni ġdida għal tiġijiet gay
Interess minn koppji LGBT barranin biex jiċċelebraw it-tieġ tagħhom f’pajjiżna
minn Albert Gauci Cunningham
L-imħabba sabiħa u anke tieġ huwa avveniment mill-isbaħ, imma bħal dejjem, il-flus sbieħ ukoll u wara kull ċelebrazzjoni ta’ żwieġ u wara kull ċekċika ta’ tazza tax-xampanja hemm negozju sħiħ, kumpaniji kbar u żgħar u mijiet ta’ persuni li qed jaqilgħu l-għixien tagħhom.
Jidher li bħalissa, hemm interess pjuttost qawwi minn diversi koppji omosesswali barranin li jixtiequ jiżżewġu Malta, fil-fatt minn meta bdiet tkun irreklamata dik li qed titqies bħala l-ewwel fiera tat-tiġijiet għal koppji LGBT kienu bosta dawk il-barranin li wrew interess li jiċċelebraw il-jum għażiż għalihom f’pajjiżna.
Dan ikkonfermah Robert Bruno, Direttur tas-Sales fil-Lukanda Phoenicia, li f’kummenti mal-gazzetta ILLUM spjega kif minn meta bdiet tkun irriklamata l-istess fiera li se tkun organizzata l-Phoenicia, kellu rispons qawwi minn ċittadini mir-Renju Unit, l-Italja, l-Ġermanja u Franza fost l-oħrajn. “L-aħbar li Malta introduċiet l-unjoni ċivili għal koppji tal-istess sess qajmet ċertu interess lil hinn minn xtutna, speċjalment ta’ dawk il-koppji LGBT li jixtiequ jiġu hawn, igawdu lil pajjiżna u fl-istess ħin jiċċelebraw mument hekk importanti f’ħajjithom” saħaq Bruno li spjega wkoll kif il-fiera sabet l-interess qawwi ta’ numru kbir t’esebituri.
Kemm hu kbir is-suq?
Imma biex lukanda ewlenija f’pajjiżna torganizza fiera għal koppji tal-istess sess, bilfors li hemm suq tajjeb li jista’ jħalli profitt. Lil hinn minn kemm organizzazzjoni jew negozju jrid jidher li huwa favur l-ugwaljanza, dejjem jibqa’ l-fattur tal-profitt. Allura kemm hu kbir dan is-suq? Vera li n-negozju tat-tiġijiet bejn persuni tal-istess sess iħalli iktar qliegħ?
Bruno jgħid li l-idea li tiġijiet bejn persuni tal-istess sess iħallu aktar flus hija “ġenerali wisq” u tista tkun parti mill-bosta ideat żbaljati ta’ kif jaħdem dan is-settur. Minkejja li d-domanda hija kbira u s-suq tat-tiġijiet bejn persuni tal-istess sess qed jikber, Robert Bruno jisħaq li għad hawn ħafna miżinformazzjoni u sa ċerta punt, anke element ta’ biża’ minn dan is-suġġett. Fil-fatt, meta l-ILLUM irrimarka kif mhux daqshekk faċli li wieħed isib sempliċiment kartolina għal tieġ bejn żewġ persuni tal-istess sess, Bruno qal li jista’ jkun li għad hemm ċerta biża’ minn numru ta’ negozji li jekk jidhru wisq favur tiġijiet bejn koppji omosesswali jkunu qed jitilfu minn negozju u klijenti oħrajn.
Mistoqsi jekk kienx hemm rispons negattiv minn xi nies li rċevew il-fuljett f’darhom bir-riklam tal-fiera, Bruno qal li dan ma kienx il-każ issa, għalkemm meta kienet imnedija l-fiera l-ewwel darba kien hemm min saħansitra qal li kienet tiddiskrimina kontra koppji eterosesswali.
Il-fiera Stylish se tittella’ bejn l-10 u l-11 t’Ottubru fil-lukanda Phoenicia u se tkun qed toffri servizzi ta’ tiġijiet kif ukoll qamar il-għasel għal dawk il-koppji gay li beħsiebhom jidħlu f’unjoni ċivili.