
Il-kanċer jaħtaf il-ħajja ta’ 700 Malti fis-sena
F'Maltaa, medja ta' 2,000 persuna fis-sena tiżviluppa xi tip ta' kanċer b' dawk tas-sider u l-prostata l-aktar tipi komuni ta' kanċer fost in-nista u l-irġiel rispettivament
minn Daniel Mizzi

Ċifri li għandu f’idejh l-ILLUM jikkonfermaw kif il-kanċer huwa fost l-aktar mard li jaħsad ħajjiet ta’ Maltin u Għawdxin. Tant hu hekk, li statistika miġbura mir-Reġistru Nazzjonali tal-Kanċer f’Malta turi li kull sena f’Malta, medja ta’ 700 persuna tmut kawża tal-kanċer. Il-figuri effetivament ifissru li kull sena, l-kanċer joqtol popolazzjoni daqs ir-raħal ta’ San Lawrenz, Għawdex.
L-istess ċifri juru kif għaldaqstant, wieħed minn kull erba’ persuni li jitilfu ħajjithom f’Malta jmutu kawża tal-marda qerrieda tal-kanċer, u li madwar 2,000 persuna fis-sena tiżviluppa xi tip ta’ kanċer. Aktar minn hekk, statistika tal-Eurostat turi kif fl-2011 biss, fl-Ewropa kollha, 26.3% tal-imwiet jew wieħed minn kull erba’ mwiet, kienu kawża tal-kanċer, b’iktar minn 1.28 miljun Ewropej imut kawża tal-kanċer.
L-istatistika turi wkoll kif fl-Ewropa, il-kanċer tal-pulmun kien l-iktar wieħed qerriedi, li hu wieħed mill-aktar komuni fost l-irġiel. Madankollu, il-kanċer fil-prostata huwa l-iktar wieħed komuni fost l-irġiel hekk kif jammonta għal 21% mill-każijiet tal-kanċer kollha fl-irġiel, filwaqt li l-kanċer tal-kolon huwa t-tielet l-iktar komuni.
Min-naħa l-oħra, il-kanċer fis-sider jibqa’ l-iktar wieħed komuni fost in-nisa, hekk kif jammonta għal 34% tal-każijiet tal-kanċer kollha. Fit-tieni post, hemm il-kanċer fil-kolon u l-kanċer fl-uteru, li jammontaw għal 10.6% u 7.3% tal-każijiet kollha rispettivament.
F’kummenti mal-ILLUM, Dr Joe Psaila, kirurgu u speċjalista mal-Breast Screening Programme, spjega li l-istil ta’ ħajja tal-Maltin huwa fost l-iktar kaġuni serji li jwasslu għall-iżvilupp tal-kanċer.
“Hemm tendenza ikbar li dawk il-persuni li għandhom stil ta’ ħajja nieqsa minn eżerċizzju jbatu mill-kanċer. Bl-istess mod, dawk li jpejpu, li jbatu minn obeżità, u li jieklu ħafna xaħam fid-dieta tagħhom, iżidu r-riskju tal-kanċer,” huwa qal.
Dan sostnih ukoll it-Tabib Deo Debattista, li mal-ILLUM qal li apparti l-ġenetika u d-dieta tal-individwu, l-età hija l-ikbar kaġun tal-kanċer.
“Peress li llum il-ġurnata l-bniedem qed jgħix ħajja itwal, qed ikun hawn iktar każijiet ta’ kanċer. Malli persuna taqbeż is-60 sena, iktar hemm riskju li timrad bil-kanċer.”
Fil-fatt huwa qal li r-rata ta’ kanċer tal-prostata fost l-irġiel qegħda kull ma tmur tiżdied speċifikament minħabba l-età.
“Ir-rata tal-inċidenza tal-kanċer fil-prostata qed tiżdied hekk kif illum il-ġurnata saret normali li persuna tgħix aktar minn 60 sena. Infatti, l-età hija tant fattur, li 90% ta’ dawk il-persuni li għandhom ’il fuq minn 90 sena jiżviluppaw kanċer fil-prostata,” Debattista qal.
Minkejja dan, it-Tabib Debattista sostna li ż-żieda fir-rati tal-kanċer, u naturalment in-numri ta’ persuni li jmutu kawża tal-marda, hija kaġun ta’ żieda fil-kuxjenza u r-rata tad-dijanjosi fost il-Maltin.
“Studji juru li fiż-żmien li ġej, il-kanċer mistenni jiżdied u fi żmien 10 snin, wieħed minn kull tnejn se jsofri minn kanċer. Madankollu, dan għax illum il-ġurnata, il-Maltin qed ifittxu aktar għajnuna. Qabel persuna kienet tmut ta’ età iżgħar u għalhekk ma kinitx tilħaq tiżviluppa xi tip ta’ kanċer, filwaqt li oħrajn kienu jilħqu jmutu minn mard ieħor qabel id-dijanjosi tal-kanċer.”
Intant, mistoqsi jekk hemmx xi soluzzjoni waħda li tista’ tipprevjeni l-kanċer, Dr Joe Psaila sostna li l-iktar mod effettiv huwa li persuna jkollha stil ta’ ħajja aħjar.
“Minkejja li m’hemmx prevenzjoni waħda għall-kanċer inġenerali, speċjalment dak tas-sider, ikun ta’ ġid ħafna jekk minn ta’ età żgħira, it-tfajliet jiġu inkoraġġuti sabiex jagħmlu iktar eżerċizzju, jieklu iktar bnin, u sabiex irażżnu l-konsum ta’ xaħmijiet,” huwa qal.
Dr Psaila spjega wkoll li r-rata ta’ fejqan fost dawk li jitrattaw il-kanċer tas-sider kmieni tlaħħaq bejn 80% u 90%. Qal ukoll li matul iż–żmien, il-mara Maltija m’għadhiex tara l-kanċer bħala mewta ċerta, iżda minflok, qed tfittex l-għajnuna iktar kmieni. Aktar minn hekk, il-kirurgu qal li l-Breast Screening Programme żied il-kuxjenza dwar il-kanċer u li t-tabib m’għadux jiġi meqjus bħala l-aħħar soluzzjoni, iżda bħala prevenzjoni.
- F’Malta, 2,000 persuna tiżviluppa xi forma ta’ kanċer kull sena
- 700 persuna, jew 25% tal-ammont totali tal-imwiet f’Malta, jitilfu ħajjithom kawża tal-kanċer
- Fl-2011, 1.28 miljun, jew 26.3% tal-imwiet kollha fl-Ewropa, kienu kawża tal-kanċer
- 34% tan-nisa li jiżviluppaw kanċer, jiġu dijanjostikati b’kanċer fis-sider, filwaqt li 21% tal-kanċer fl-irġiel ikun dak tal-prostata
- Dawk li għandhom iktar minn 40 sena, huma l-iktar f’riskju li jiżviluppaw xi forma ta’ kanċer