Pro-Life, Pro-Family, Life Network Foundation Malta, qed tniedi petizzjoni online favur il-ħajja, fejn saħħqet li l-iffriżar tal-embrijuni umani hu attakk gravi fuq il-ħajja umana u li huwa vjolazzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja li għandha kull tarbija sa mill-konċepiment.
Fi stqarrija, l-għaqda saħħqet li l-iffiriżar tal-embrijuni jagħmel faċli l-għażla, r-rimi, u d-distruzzjoni ta’ ħajja umana innoċenti. Għaldaqstant, l-għaqda appellat lis-soċjetà Maltija u lill-membri parlamentari sabiex jirrifjutaw kull attentat sabiex isir tibdil fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
“Nappellaw lir-rappreżentanti tagħna fil-Parlament u lis-soċjetà sabiex jirrifjutaw kull xorta ta’ tentattiv li jwassal għall-kiri ta’ guf il-mara (surrogacy), flimkien mad-donazzjoni taż-żerriegħa tar-raġel u l-bajda tal-mara (egg and sperm donation), liema prattiċi huma vjolazzjoni tad-dritt tat-tfal li jkunu jafu min huma l-ġenituri bioloġiċi tagħhom u li jiġu mrobbija minnhom.”
Bl-istess mod, il-Moviment ta’ Kana qal li jekk il-proposti dwar l-iffriżar tal-Emrbjuni jidħlu fis-seħħ tkun qed tinfetaħ it-triq għal-leġislazzjoni tal-abort.
“Jekk l-abbuż u l-qtil tal-innoċenti huwa ġustifikat barra l-ġuf tal-omm, biż-żmien isir faċli tiġġustifika l-qtil tal-innoċenti fil-ġuf,” il-Moviment ta’ Kana qal.
“Il-ħajja umana tibda mill-mument tat-tnissil u għalhekk jeħtieġ li kull embrjun għandu jiġi ttrattat b’rispett u b’dinjità sa mill-ewwel waqt tat-tnissil. L-iffriżar tal-Embrjuni hu inkompatibbli mar-rispett u d-dinjità li biha għandha tiġi ttrattata l-ħajja umana sa mit-tnissil.”
Aktar minn hekk, il-Moviment ta’ Kana qal li filwaqt li hija temmen li koppji li jixtiequ tarbija għandhom jingħataw għajnuna, jrid ikun hemm bilanċ bejn id-drittijiet tal-embrjun u l-interessi ta’ dawn il-koppji.
Għaldaqstant, il-Moviment ta’ Kana qal li l-liġi għandha tippermetti l-iffriżar tal-bajd qabel it-tnissil u mhux wara.
“L-esperjenza ta’ pajjiżi oħra turi illi fejn jitħalla jsir l-Iffriżar tal-Embrjuni, jiġri li numru kbir ta’ ħajjiet umani jinqerdu wara li jagħmlu għadd ta’ snin iffriżati.”
“Il-liġi kif inhi qed taħdem tajjeb u l-inizjattivi tal-IVF li huma fis-seħħ qed jagħtu riżultati li jikkomparaw tajjeb ma’ dawk miksuba f’pajjiżi li jippermettu l-iffriżar u l-qerda ta’ l-embrijuni.”