“Xufiera barranin jibdew bis-€6 u aħna bil-€4.68”
Ħaddiema fit-trasport pubbliku jgħidu li marru għall-agħar minn żmien l-Arriva
minn Albert Gauci Cunningham
“Sewwa, mela aħna jwegħduna €6 fis-siegħa fir-riklam għal dawk li jixtiequ jsiru xufiera, u wara jtuna €4.68 u hawn xufiera barranin li bħalna jagħtuhom il-liċenzja u qed idaħħluhom bis-€6. Hekk sew allura?” Dawn kienu ftit mill-kummenti ta’ numru ta’ xufiera li tkellmu mal-ILLUM nhar il-Ħamis li għadda waqt li kienu għaddejjin bl-istrajk tat-trasport pubbliku li ordnat il-GWU.
Dan il-kumment għaddewh numru ta’ xufiera ‘veterani’ iżda kien ikkonfermat minn żewġ xufiera żgħażagħ ftit tal-ħin wara. “Jiena dħalt naħdem bħala xufier għax mingħalija se naqla’ €6 fis-siegħa imbagħad wara, jgħidulek li mhux se jħallsuk daqshekk. Bdejt bil-€4.60 minflok għax qalulna li ġabulna l-liċenzja u bqajt hekk għal sitt xhur. Imbagħad għamilt sena bil-€5.35 is-siegħa, u issa sena oħra bil-€5.75 kull siegħa. Jiġifieri biex nibda naqbad €6, kif wegħduni, se nkun ilni nistenna sentejn u nofs b’kollox.”
Pront qabeż xufier żagħżugħ ieħor li pprotesta ma’ din il-gazzetta kif hu kien qed jitħallas bl-istess mod, “imma mbagħad, inkellem lil xufiera bħali barranin li għadhom deħlin, u li qed jitħallsu €6.” L-ILLUM irrimarka li jista’ jkun li dawn ix-xufiera qed jiġu Malta u jkollhom liċenzja diġà, imma x-xufier żiedu jgħidu, “Le, bħali dawn. Jiġu, jġibu l-liċenzja u jibdew jaqilgħu €6.” Imma staqsew lill-kumpanija għalfejn hemm din id-diskrepanza? “Iva u lilna qalulna li dawn qed jitħallsu aktar għax m’għandhomx post fejn joqogħdu Malta. Qed tara, u dawn fejn jafu aħna xi spejjeż għandna?”
‘Qegħdin agħar milli konna taħt l-Arriva’
Minkejja kollox, il-ħaddiema tat-Trasport Pubbliku ma tantx kienu pożittivi dwar il-kundizzjonijiet li fihom qegħdin jaħdmu, tant li mal-ILLUM spjegaw kif kemm ilha li qed tmexxi t-trasport pubbliku l-kumpanija Spanjola, inqatgħu bosta benefiċċji bħall-ħlas għall-isplit shift. “Sewwa, mela aħna nidħlu fit-8 ta’ filgħodu u naħdmu sa’ nofsinhar, imbagħad nerġgħu nibdew fl-4 ta’ waranofsinhar, u nibqgħu sejrin sat-8 ta’ filgħaxija. Qabel konna nieħdu €30 tal-erba’ sigħat li jkollna fin-nofs. Dik inqatgħet,” sostna xufier mal-ILLUM. Impjegat ieħor li tkellem magħna spjega kif kemm ilha li ħadet f’idejha t-trasport pubbliku l-kumpanija Spanjola, lanqas idea ta’ ħin m’għad hemm. “Sirna bla ħinijiet, ma tafx fix-ħin se tibda u fix-ħin se tispiċċa. Overtime m’għadniex nagħmlu, split shift qatgħuh u konna nagħmlu naqra part time, issa kellna naqtgħuh ukoll”.
L-ILLUM staqsa jekk hux qegħdin aħjar minn meta kienet topera s-servizz l-Arriva. Ir-risposta mix-xufiera kienet ġeneralment fin-negattiv, fosthom, xufier partikolari qal “ninsabu agħar milli konna, għax qabel konna naqilgħu lira żejda, issa xejn. Issikkar biss dawn.” Xufier ieħor iżda qal li baqgħu fejn kienu, “bl-istess problemi li kellna mal-Arriva”.
Fost il-problemi huwa semma d-dewmien u n-nuqqas ta’ koordinament. “Is-sistema li kienet tintuża biex inkunu nafu b’ħabta, lanqas għadha taħdem”, spjegaw il-ħaddiema. Fil-fatt huma bosta dawk il-passiġġieri li jistgħu jinnotaw kif f’każ ta’ ħabta, xufier ma jkunx mgħarraf dwar il-bżonn li jgħaddi minn triq oħra u jispiċċa jeħel fit-traffiku.