
Il-Kultura u l-poplu jiltaqgħu fuq mappa ta’ Malta
L-ILLUM jiltaqa’ mal-Prof. Maria Attard li titkellem dwar l-inizzjattiva tal-Valletta 2018 ta’ mappa kulturali
minn Veronica Lynn Mizzi

Jekk tistaqsi lill-Maltin xi tfisser il-kultura Maltija għalihom, fil-maġġoranza tagħhom jirrispondu bis-soltu risposta. Dejjem tissemma’ l-lingwa, il-bandiera u l-istorja, Dun Karm, il-George Cross u mitt ħaġa oħra, imma qatt jew rari jissemma l-pajsaġġ tagħna bħala xi ħaġa li tiddefinixxi lilna jew il-kultura tagħna. Prof. Maria Attard, direttur tal-Istitut għall-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima fl-Università ta’ Malta, uriet it-tħassib tagħha għall-mod kif il-Maltin jipperċepixxu l-kultura tagħhom u ma jagħrfux japprezzawha. “Bħala poplu, ma nafux x’inhi l-kultura tagħna u ma napprezzawhiex biżżejjed.”
Prof. Attard kienet responsabbli mill-koordinazzjoni ta’ parti mill-proġett tal-Cultural Mapping fi ħdan il-Valletta 2018, fejn inħolqot mappa interattiva li fuqha jiġu mpoġġijja dawk l-ispazji li fihom, potenzjalment tista’ tiġi trażmessa l-kultura.
Dan il-proġett huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu għal pajjiżna, u minkejja li huwa inizjattiva ta’ Valletta 2018, il-proġett imur lil hinn mill-Belt Valletta, u huwa mifrux fuq il-pajjiż kollu. Fil-fatt, flimkien ma’ tim ta’ riċerka tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Prof. Attard ħadmet ma’ 68 Kunsill Lokali madwar Malta u Għawdex fuq perjodu ta’ sena, fejn saru wkoll bosta diskussjonijiet u laqgħat konsultattivi sabiex jiġu identifikati dawn il-postijiet.
Mhux biss teatri u swali parrokjali
Meta wieħed jaħseb f’postijiet li fihom ‘tista’ tiġi trażmessa l-kultura’, moħħu jmur fil-postijiet tradizzjonali, bħal xi teatru jew xi sala tal-parroċċa fejn wieħed imur, ipoġġi bilqiegħda u jara xi dramm, jew imur biex jara xi wirja tal-arti. Fil-fatt, l-għan ta’ dan il-proġett huwa propju li jbiddel din il-mentalità tan-nies biex ikabbar il-perspettiva meta wieħed jitkellem dwar it-trażmissjoni ta’ kultura. Għalhekk, f’din il-cultural map ġew inklużi postijiet li mhix in-norma li naħsbu fihom meta nsemmu din il-firxa ta’ kultura, bħal per eżempju toroq li fihom tgħaddi l-purċissjoni tar-raħal. Għax jekk din il-purċissjoni ma tiġix meqjusa bħala parti integrali mill-kultura lokali, x’għandu jitqies? B’hekk, meta ġew inklużi dawn il-postijiet kollha f’din il-mappa interattiva, kien hemm total ta’ 4,322 punti fuq il-mappa.
Il-postijiet li ġew imdaħħla fis-sistema sa issa, huma mifruxa, u kollha differenti kemm fid-daqs, użu u skop tagħhom, u jekk humiex postijiet privati jew pubbliċi. Fil-fatt ivarjaw minn swali tal-parroċċa, għal każini, toroq u anke parkeġġi, bħala użu ta’ spazju miftuħ. Eżempju ċar ta’ dan huma t-tant kunċerti li jsiru f’parkeġġi bħal-Luxol jew fi spazji miftuħa bħall-Fosos ta’ Furjana.
Min-nies għan-nies
L-4,322 map feature li ddaħħlu, mhumiex biżżejjed sabiex ikopru kull post possibbli u għalhekk teħtieġ ukoll il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Din l-inizjattiva taf il-bidu tagħha lil Valletta 2018, però issa fil-fażi li jmiss, il-pubbliku huwa mistieden biex jinkludi wkoll il-postijiet li jemmen li għandhom ikunu preżenti f’din il-mappa flimkien ma’ dawk diġà inklużi mit-tim ta’ riċerka ta’ V18.
“Bħala poplu, ma nafux x’inhi l-kultura tagħna u ma napprezzawhiex biżżejjed.”
Hekk, waħda mill-intenzjonijiet primarji hi li tiddaħħal il-mentalità u l-ħsieb fin-nies biex meta huma qed jaraw post, jew jafu b’xi lokazzjoni partikolari, li jemmnu li fiha jista’ jkun hemm il-possibbiltà dan it-tifrix ta’ kultura, jinkluduha fil-mappa. Dan filwaqt li tidħol l-idea li bniedem jitgħallem iħares lejn kull post fil-gżejjer Maltin bħala post potenzjal fejn tista’ sseħħ xi ħaġa kulturali. Il-proċess huwa wieħed faċli immens fejn minn fuq is-sit www.culturemapmalta.com, bniedem jinkludi post ġdid għal din il-mappa interattiva. Hemmhekk, ikun jista’ jinkludi l-post fejn jinsab, stampa u anke informazzjoni dwar il-post li tista’ tkun informazzjoni dwar l-istorja tal-post, x’isir u x’jittella’ fil-post, fost l-oħrajn.
Apprezzament għal-informazzjoni
Il-benefikarji ewlenin u l-aktar evidenti huma dawk in-nies, għaqdiet u gruppi li huma attivi fix-xena kulturali u li sikwit ifittxu postijiet li fihom ikunu jistgħu jtellgħu serati, avvenimenti jew inizjattivi. B’hekk, ir-repertorju tagħhom ma jibqax dejjem l-istess erba’ postijiet li dejjem jagħżlu. Dawn l-inidividwi u entitajiet jistgħu jvarjaw minn kumpaniji teatrali, sa artisti u kantanti, sa anke għaqdiet tal-iscouts.
Hija inizjattiva importanti wkoll partikolarment sabiex fis-sens bażiku tagħha, ddaħħal l-idea fin-nies biex japprezzaw l-informazzjoni li għandhom u jgħinu sabiex din l-informazzjoni pubblika tkompli tiżdied u tkun aktar.

Il-kunċett ta’ ‘mapping’ f’Malta, tista’ tgħid li qatt ma daħal u sar popolari però barra mill-pajjiż, din hija xi ħaġa ferm komuni u f’xi każi, serviet bħala għodda importanti għas-salvataġġ f’żoni tad-dinja fejn intlaqtu b’xi diżastru naturali. F’dawn il-każi, voluntiera jingħataw GPS u jibdew jagħmlu l-mapping tagħhom fejn idaħħlu informazzjoni fis-sistema dwar dak li hemm preżentement f’dik iż-żona partikolari. B’dan il-mod, il-voluntiera jwasslu l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun tista’ tintbagħat għajnuna skont il-bżonn.
Mhux biss sal-2018
Din l-inizjattiva għandha tkun l-ewwel pass għal informazzjoni miġbura f’post wieħed, dwar l-aspetti tanġibbli tal-kultura. Minħabba f’hekk, għalkemm organizzata u mwielda mill-Fondazzjoni Valletta 2018, din m’għandhiex tieqaf fl-2018, imma tkompli tkun ħajja u tkun interattiva ma’ dawk kollha li jużawha u jikkontribwixxu fiha.
“F’din il-cultural map ġew inklużi postijiet li mhix in-norma li naħsbu fihom meta nsemmu din il-firxa ta’ kultura, bħal toroq li fihom tgħaddi l-purċissjoni tar-raħal”
Dan is-sit fejn tinstab il-mappa interattiva, huwa biss parti minn dan il-proġett ta’ Immappjar Kulturali. Fil-fatt, se ssir konferenza bl-isem ta’ ‘Cultural Mapping: Debating Spaces & Places’, bejn it-22 u t-23 ta’ Ottubru f’Dar il-Mediterran fejn fost diversi kelliema minn pajjiżi barranin li se jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom u l-proġetti ta’ ‘mapping’ li wettqu u ħadu sehem fihom, se jkun hemm Prof. Maria Attard li se tkun qed titkellem dwar il-proġett lokali ta’ ‘Cultural Mapping’. Din il-konferenza mistennija tiddiskuti ma’ bosta rikerkaturi u akkademiċi l-kwistjonijiet li spiss jaffaċjaw dawk li jaħdmu f’dan il-qasam.
Minbarra dan, it-tim ta’ riċerka fi ħdan il-fondazzjoni jrid ukoll ikompli bl-assessjar tal-ispazji preżenti, b’mod partikolari tat-teatri fejn ikun hemm analiżi tal-faċilitajiet u l-kundizzjonijiet preżenti f’dawn l-istess spazji teatrali biex din ukoll tkompli sservi ta’ għodda għal dawk involuti fix-xena kulturali.
Dwar il-proġett, u dak li qed jipprova joħloq u jinstiga, Prof. Attard temmet tgħid kif hi ma tistax tifhem kif il-poplu ma jirrealizzax li meta jkun qed jattakka l-ambjent ta’ madwarna, jkun qed jattakka wkoll il-kultura tagħna.