Jinġabru 78,471 siegħa ta' volontarjat minn Xarabank
Godfrey Farrugia qal li fieq mill-kanċer u offra 55 siegħa ta' servizz ta' tabib
More in Socjali
Godfrey Farrugia qal li fieq mill-kanċer u offra 55 siegħa ta' servizz ta' tabib
Waqt il-programm Xarabank bl-inizjattiva Noffri.com tal-Malta Community Chest Fund inġabru 78,471 siegħa ta’ volontarjat. Din l-inizjattiva ġdida tal-Malta Community Chest Fund il-poplu Malti u Għawdxi offra ħin b’mod volontarju biex jgħin lil persuni jew għaqdiet fil-bżonn. Dawn is-sigħat rreġistrati fuq Noffri.com se jiġu amministrati mill-Malta Community Chest Fund, u se jitqassmu lil persuni jew għaqdiet fil-bżonn.
L-inizjattiva Noffri.com se tibqa’ għaddejja permezz ta’ dan is-sit elettroniku fejn min irid jagħti mill-ħin tiegħu jista’ jagħmel dan billi jagħti d-dettalji tiegħu u fejn jixtieq li jikkontribwixxi. Noffri.com se tiġi amministrata mill-Malta Community Chest Fund permezz tal-amministratur John Bottiglieri, li se jkun qed jagħmel dan ix-xogħol b’mod volontarju.
Waqt il-programm ilbieraħ ċemplu professjonisti bħal tobba, infermiera, avukati, periti li offrew mill-ħin tagħhom biex jgħinu persuni jew għaqdiet li qed jaħdmu għall-ġid tal-komunita’. Ċemplu iżda wkoll għadd ta’ nies li mill-ħiliet tagħhom bħal trasport bil-vetturi tagħhom, xogħol ta’ tindif, xogħol ta’ kura, wens lil persuni waħidhom, qari ta’ kotba lil tfal li jgħixu fid-djar tat-tfal, ħidma mal-annimali, xogħol ta’ fotografija, għajnuna f’xogħol ta’ kostruzzjoni, jew tiswisjiet ta’ vetturi.
Waqt dan il-programm il-whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Dr.Godfrey Farrugia li jinsab l-Ingilterra hekk kif kien qed jirkupra minn operazzjoni minħabba l-kanċer, ħabbar li se jkun qed joffri 55 siegħa servizz ta’ tabib biex jgħin persuni fil-bżonn. Waqt dan il-programm Dr.Farrugia ħabbar li r-riżultati li ħa mill-kura tal-kanċer kienu pożittivi u li allura kif qal hu jħoss li rebaħ ħajtu lura.
Għal din l-inizjattiva ġdida tal-Malta Community Chest Fund, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ħabbret li se tkun qed toffri 20 siegħa mat-tfal, il-Prim Ministru Dr.Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed joffri ħinu ma’ dawk li jiffurmaw parti mill-Ispecial Olympics, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr.Simon Busuttil se jkun jagħmel xogħol volontarju mal-Caritas. L-Arċisqof ta’ Malta Mons.Charles Scicluna ħabbar li se jkun qed joffri ħin ma’ l-anzjani.